Friday, December 13, 2024

Omm tegħleb il-kanċer grazzi għal żewġt aħwa li għenuha tinduna u tiġġieled il-marda

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Omm li tgħix f’Manchester għelbet il-kanċer grazzi għal tnejn mill-aħwa Nolan li għenuha tinduna bil-marda u tiġġildilha.

Għal min ma jafx min huma l-aħwa Nolan, dawn huma grupp ta’ tfajliet Anglo-Irlandiżi li ffurmaw f’Blackpool fl-1974 bħala Nolan Sisters, qabel ma bidlu isimhom fl-1980. F’dawk iż-żminijiet kellhom bosta suċċessi mużikali u ammiraturi.

“The Nolas” tkellmu diversi drabi dwar il-kanċer u sfortunatament missierhom Tommy miet proprju hekk lura fl-1998. Waħda mill-aħwa, Bernie, li kienet ukoll il-kantanta prinċipali tilfet ħajjitha fl-2013 fl-età ta’ 52 sena wara battalja mal-kanċer.

Fost l-ammiraturi kbar tagħhom hemm Gail Jones, mara ta’ 56 sena, li hija l-omm protagonista f’din l-istorja. 

Hija minn dejjem kienet issegwi lil dan il-grupp iżda żgur u mhux forsi li qatt ma stenniet li żewġ aħwa minn dan il-grupp, Bernie u Linda Nolan, kienu se jgħinuha matul il-vjaġġ tagħha u jsalvawlha ħajjitha wara li ġiet iddijanjostikata b’kanċer tas-sider.

Għal din l-omm “The Nolans” huma speċjali tant li għandha kull album tagħhom u marret tarhom ikantaw aktar minn 100 darba u fil-fatt kien proprju meta darba minnhom kienet wara l-kwinti f’wieħed mill-kunċert tagħhom li rċeviet parir li salvalha ħajjitha.

F’kunċert li seħħ għaxar snin ilu,  Bernie Nolan, li kif semmejt qabel hija wkoll kellha kanċer, ħeġġet lil din l-omm biex toqgħod attenta u tiċċekja sidirha. B’dan il-parir f’moħħha, l-omm baqgħet tagħmel hekk u mnalla għax kien proprju dan li wassal għal dijanjosi bikrija wara li sabet boċċa f’sidirha waqt appuntament li kellha s-sena l-oħra. 

L-omm baqgħet f’kuntatt mal-oħt l-oħra Linda Nolan li baqgħet tappoġġjaha f’kull pass tal-vjaġġ tagħha tant li saru ħbieb kbar.

Wara li x-xahar li għadda, Gail ingħatat l-aħbar sabiħa li fieqet mill-kanċer, illum il-ġurnata hija tgħid li mnalla kienu l-aħwa Nolan għax li kieku ma kinux huma qatt ma kienet se tinduna li kellha boċċa f’sidirha jew li kien jkollha biżżejjed saħħa biex taffaċċja t-trattament li kellha tirċievi.

Gail, oriġinarjament minn West Bromwich, West Midlands, qalet: “Ma stajtx nemmen meta qaluli li fieqt mill-kanċer – għax kien hemm drabi fejn kont qtajt qalbi li se nirbaħlu.”

Hija żiedet tgħid: “Għadni niftakar daqshekk ċar dak il-mument meta Bernie kelmitni wara l-kwinti u ġegħlitni nwiegħed biex dejjem nieħu ħsieb u niċċekja ġismi. Dik il-wegħda żammejtha u ma nafx x’kien jiġri li kieku ma ndunajtx li kelli dik il-boċċa.”

Ekonomija

Sport