“Nappella lill-poplu Bormliż biex jagħti l-ikbar sapport lill-qaddiefa tagħna. Nemmen u qed ngħid dan b’fiduċja sħiħa, li jekk il-bambin irid permezz tal-ħidma li ma waqfet qatt mill-qaddiefa u l-voluntiera, se jkollna riżultat sabiħ fir-Regatta”.
Iddikjara dan il-President tal-Klabb tar-Regatta ta’ Bormla Evan Buttigieg f’intervista ma’ dan il-ġurnal, hekk kif ninsabu biss ġurnata ‘l bogħod mir-Regatta. Buttigieg irrimarka li r-Regatta bħala klabb ikunu ilhom jippreparaw għaliha. Spjega li l-qaddiefa jibqgħu jippreparaw fuq l-art u li mbagħad madwar xahrejn qabel ir-Regatta, jibdew iniżżlu l-affarijiet il-baħar.

Spjegalna li fir-rigward ta’ attivitajiet relatati mal-klabb tar-Regatta ta’ Bormmla, dawn jibqgħu sejrin matul is-sena kollha. Huwa għalhekk ukoll, li l-kumtitat minħabba l-involviment ta’ sponsors jibqa’ għaddej matul is-sena kollha.
Irrimarka li għal din is-sena, fil-kategorija open b’kollox se jkun hemm mat- 8 persuni, filwaqt li fil-B hemm mal-10 persuni. Kien hawn fejn il-President, faħħar il-ħidma li ssir minn għadd ta’ membri u voluntiera, minn kbar sa żgħar.

Is-sehem ta’ Bormla fir-Regatta Nazzjonali
Għal Bormla, ir-Regatta mhijiex sempliċement kompetizzjoni sportiva, iżda tradizzjoni marbuta mill-qrib mal-identità tal-belt, mal-baħar u mal-ħajja tal-komunità Bormliża. L-istorja tal-Bormla mar-Regatta tmur lura għal sekli.
F’Bormla fl-1642, Martino Fiteni kien fost dawk li talbu li tiġi organizzata r-Regatta bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa. Dan juri kemm it-tradizzjoni tat-tiġrijiet tad-dgħajjes diġà kellha għeruq qawwija f’Bormla, ħafna qabel ma ġiet stabbilita r-Regatta Nazzjonali fil-forma moderna tagħha.
Meta r-Regatta reġgħet ġiet organizzata b’mod uffiċjali fl-1951, il-Bormliżi kienu diġà magħrufa għall-istorja tagħhom fil-qdif. Minħabba t-telf ta’ bosta dgħajjes matul it-Tieni Gwerra Dinjija, inizjalment Bormla setgħet tipparteċipa biss f’numru limitat ta’ tiġrijiet. Propju kien fl-1958, meta Bormla ġiet irreġistrata uffiċjalment bħala distrett organizzat u bdiet tipparteċipa b’mod sħiħ fit-tiġrijiet kollha tar-Regatta Nazzjonali.

Minn dak iż-żmien ’il quddiem, Bormla kompliet tibni reputazzjoni qawwija bħala waħda mill-aktar timijiet kompetittivi fir-Regatta. L-istorja turi li l-qaddiefa Bormliżi kellhom perjodi ta’ dominanza, partikolarment f’ċerti snin tas-seklu 20.
Is-suċċessi ta’ Bormla jidhru b’mod ċar ukoll fin-numru ta’ Aggregate Shields mirbuħa. Fl-2017, pereżempju, Bormla rebħet ir-Regatta tal-Vitorja u kisbet dak li kien dak iż-żmien it-18-il Aggregate Shield, wara prestazzjoni dominanti li fiha rebħet sebgħa mill-ewwel tmien tiġrijiet. Ir-rekords storiċi jpoġġu lil Bormla fost l-aktar klabbs ta’ suċċess fir-Regatta tal-Vitorja, b’22 rebħa fl-istorja tal-kompetizzjoni.


