Sunday, December 22, 2024

Opportunitajiet ġodda fis-settur volontarju għall-istudenti tal-MCAST

Aqra wkoll

Il-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS) u l-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija (MCAST) iffirmaw Memorandum of Understanding sabiex tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn iż-żewġ entitajiet.

Din il-koperazzjoni, li ilha għal numru ta’ snin, issa se tiġi fformalizzata għall-ewwel darba u se tinkludi programm li bih, studenti tal-kulleġġ se jkunu jistgħu jiksbu esperjenzi ta’ volontarjat u jkollhom aktar informazzjoni dwar is-settur u dwar l-għaqdiet differenti.

Permezz tal-ftehim se tiżdied ukoll il-promozzjoni tas-settur maż-żgħażagħ u l-opportunitajiet li hemm għall-istudenti. Apparti dan, se tinħoloq ukoll koperazzjoni fuq programmi ta’ taħriġ, informazzjoni u riżorsi għal min ikun jixtieq jagħti sehmu fil-volontarjat.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli u l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv tal-MCVS Mauro Pace Parascandolo u l-Prinċipal u Kap Eżekuttiv tal-MCAST, il-Prof. Joachim James Calleja.

Il-ftehim qiegħed jippermetti wkoll lill-MCVS biex għall-ewwel darba jkollu preżenza fiżika fissa f’post ċentrali fil-kampus tal-MCAST f’Raħal Ġdid, permezz ta’ Volunteer Hub, li minnha se tingħata l-informazzjoni dwar is-settur, kemm bħala servizzi għal min jixtieq jagħti sehmu bħala voluntier u anki għall-għaqdiet volontarji.

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli fissret kif il-preżenza ta’ Volunteer Hub fl-MCAST, se tkompli tibgħat messaġġ b’saħħtu favur il-volontarjat fost l-istudenti. “Irridu nagħtu s-setgħa lill-istudenti biex ikunu katalisti għal bidla pożittiva.

Bħala Gvern, se nkomplu ninvestu kemm hemm bżonn riżorsi biex nippromwovu l-volontarjat bħala għodda li permezz tagħha, studenti u adoloxxenti jsawru futur isbaħ”, qalet il-Ministru Farrugia Portelli.

Il-Ministru Clifton Grima qal, “B’dan il-ftehim qed nenfasizzaw kemm il-volontarjat għandu rwol importanti u li jagħmel bidla fil-ħajja tan-nies. Huwa sinifikattiv kif il-Hub se jkun f’kampus studentesk bħall-MCAST, meta nafu kemm l-istudenti qed jieħdu sehem attiv fil-ħajja ta’ madwarhom fuq diversi livelli.

Dan il-ftehim huwa wkoll ieħor li qed jara entitajiet diversi jingħaqdu biex ikomplu jagħtu aktar opportunitajiet lil-istudenti tal-pajjiż.”

Preżenti għall-iffirmar kien hemm is-Segretarji Permanenti taż-żewġ Ministeri, flimkien ma’ numru ta’ studenti li għadhom kif temmew l-esperjenza tagħhom ta’ volontarjat bħala parti mill-vjaġġ akkademiku tagħhom fl-MCAST.

Ekonomija

Sport