Sunday, December 29, 2024

OPPOŻIZZJONI B’DISKUSSJONI MEDJOKRI DWAR L-AIR MALTA

Aqra wkoll

Minkejja li konna qegħdin nittamaw li l-bidu tal-laqgħat parlamentari wara l-vaganzi tas-sajf kellhom ikunu diskussjonijiet aktar maturi u rilevanti għaċ-ċirkostanzi li qed jaffaċċja pajjiżna llum, ma nistgħux ngħidu li dan l-iskop s’issa  ntlaħaq. 

Prova ċara ta’ dan hija d-diskussjoni kruċjali li saret dwar il-futur tal-linja nazzjonali tal-ajru l-Air Malta fejn l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ddeġenerat id-diskussjoni għal waħda mhux biss partiġġjana, imma f’ħafna waqtiet kienet verament ’il bogħod mis-suġġett li kien qiegħed jiġi diskuss. Qed ngħidu dan għaliex konna qegħdin nistennew illi l-Oppożizzjoni Nazzjonalista, partikolarment il-Kap tagħha Bernard Grech, kienu se jagħrfu li din id-diskussjoni kellha tkun waħda li verament turi l-interess nazzjonali. Dan ma ġarax. Iktar u iktar meta kienet l-Oppożizzjoni stess li talbet għall-aġġornament tal-parlament biex tkun tista’ ssir diskussjoni dwar il-futur tal-Air Malta, iżda minflok diskussjoni serja u denja, l-Oppożizzjoni nfexxet tgħajjar u tattakka lill-gvern li kien hu li falla lill-Air Malta. 

Dan għamluh meta l-poplu kien qiegħed jistenna mingħandhom, mhux biss li jgħidu l-viżjoni tagħhom jekk kemm il-darba jkunu huma fil-gvern, imma wkoll li kienu se jkunu spalla ma’ spalla mal-gvern biex tinstab soluzzjoni għall-problemi li kienet għaddejja minnhom l-linja nazzjonali tal-ajru.

Biss biss jekk nagħtu ħarsa lejn dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech insibu li minn diskors ta’ kważi 25 minuta, tkellem inqas minn 10 minuti dwar l-Air Malta. Tkellem dwar diversi temi li seta’ faċilment jaqbad f’intervisti u kummenti oħrajn li jagħti bħala Kap tal-Partit, kemm fuq l-istazzjon tagħhom kif ukoll waqt konferenzi li jkollu, temi li ma kellhom x’jaqsmu xejn mal-Air Malta. Għalhekk nemmnu li dan kien ħin moħli li jindika nuqqas ta’ viżjoni profonda li Grech għandu għall-ġejjieni tal-linja nazzjonali tal-ajru. 

’Il bogħod mill-partiġġjaniżmu politiku naqblu perfettament ma’ dak li qal il-Ministru Clyde Caruana f’diskors imqanqal u punġenti li l-problemi tal-Air Malta ma tarax il-kulur blu jew aħmar imma li s-soluzzjoni li rridu naslu għaliha dwarha hi li jibqa’ jkollna linja nazzjonali tal-ajru li tkompli tassigura l-konnettività ta’ pajjiżna, mhux biss, imma wkoll l-iskop ekonomiku u soċjali li dejjem ġarret fuq spallitha l-Air Malta. 

Il-poplu Malti jixraqlu li jkollu linja nazzjonali tal-ajru li tagħmillu ġieħ kif dejjem għamlet l-Air Malta. Għalhekk aħna konvinti li l-linja nazzjonali l-ġdida li se titwieled f’Marzu li ġej dan l-irwol se taqdih hija wkoll. 

Ekonomija

Sport