Sunday, December 22, 2024

“Oppożizzjoni irresponsabbli: mhu minnu xejn li l-Isptar Mater Dei ffaċja problemi fis-servizz tal-elettriku”- Il-PL

Aqra wkoll

Risposta teknika mill-Enemalta tikkonferma kemm l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista dwar is-servizz tal-elettriku fl-Isptar Mater Dei hija falza għal kollox u intiża biss biex toħloq allarm li ma jeżistix.

L-Enemalta kkonfermat li matul il-jum tat-Tlieta, mhux talli l-Isptar baqa jiġi pprovdut bil-vultaġġ li għandu bżonn, talli dejjem għandu sorsi oħra alternattivi biex jibqa jkollu provvista, anke jekk wieħed minn dawn is-sorsi jintilef. Aparti li l-Isptar stess għandu s-sistemi alternattivi tiegħu f’każ ta’ emerġenza.

Għalhekk huwa verament irresponsabbli u immatur li l-Oppożizzjoni tipprova tbeżża li l-Mater Dei ffaċja instabbilita fil-provvista tad-dawl jew li tpoġġa f’xi forma ta’ riskju, meta assolutament ma kienx il-każ.

Dan qalitu il-Partit Laburista fi stqarrija fejn sostniet li tigdeb kemm tigdeb l-Oppożizzjoni, il-fatti huma li fl-aħħar 10 snin, dan il-Gvern investa mas-750 miljun fuq il-ġenerazzjoni tal-elettriku mal-220 miljun fuq id-distribuzzjoni tal-elettriku.

Il-PL qal ukoll; “Dan jikkuntrasta ma’ żmien il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern meta l-investiment kien niexef għal kollox u pajjiżna kien jiddependi biss fuq il-powerstation tal-Marsa, iċ-ċumnija antika ta’ Delimara u impjant tal-BWSC li jaħdem bl-HFO”

Temm jgħid li l-Gvern se jkompli jaħdem biex tissaħħaħ l-infrastruttura ta’ pajjiżna għal preżent u għall-ġenerazzjonijiet tal-futur.

Ekonomija

Sport