Wednesday, April 24, 2024

Ottubru li għadda l-aktar xahar pożittiv fl-ajruport sa mill-bidu tal-pandemija

Aqra wkoll

F’Ottubru li għadda, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta rreġistra 428,426 moviment tal-passiġġieri, li kien l-aktar riżultat tat-traffiku tajjeb sa issa minn meta faqqgħet il-COVID-19.

Minkejja li dan kien riżultat inkoraġġanti, li jista’ jiġi parzjalment attribwit għar-rilassament ta’ aktar restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-vaganzi ta’ nofs it-terminu, in-numru ta’ passiġġieri li għaddew mill-ajruport matul ix-xahar li għadda xorta baqa’ 39.1% taħt il-livelli ta’ Ottubru 2019.

Dan it-tnaqqis fin-numru ta’ passiġġieri meta mqabbel ma’ Ottubru 2019 kien irreġistrat b’mod parallel ma’ tnaqqis ta’ 28.5% fil-movimenti tal-ajruplani u 27.7% fin-numru ta’ postijiet disponibbli fuq l-ajruplani. Is-seat load factor (SLF), min-naħa l-oħra, niżel bi 13% fuq l-istess xahar fl-2019, biex b’hekk kien fil-livell ta’ 69.3%.

Ir-Renju Unit, li ssimplifika r-rekwiżiti tal-ittestjar għal passiġġieri mlaqqmin fil-bidu ta’ Ottubru, baqa’ fil-quċċata tal-aqwa swieq tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, b’110,800 moviment tal-passiġġieri. Dan is-suq kien segwit mill-Italja, il-Ġermanja, Franza u Spanja, li flimkien kellhom total ta’ 170,991 moviment tal-passiġġieri.

Sport