Thursday, December 26, 2024

Pajjiż ta’ Kwalità: Imħabbra sett ta’ proposti mmirati biex itaffu l-konġestjoni tat-traffiku

Aqra wkoll

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett ippreżenta u ħabbar sett ta’ proposti bil-għan li jwasslu biex tittaffa l-konġestjoni tat-traffiku.

Il-ministru spjega li dawn il-proposti huma bbażati fuq sitt pilastri:

  • L-ewwel pilastru huwa ekonomija ta’ 24 siegħa fejn ġie propost kif servizzi u deliveries isiru f’ħinijiet off-peak. Il-gvern irid imexxi bl-eżempju. Għaldaqstant, is-servizzi pubbliċi bħall-ġbir tal-iskart, indafa tat-toroq u lezzjonijiet u testijiet tal-liċenzji tal-karozzi, fost l-oħrajn.

Proposta oħra taħt dan il-pilastru tinkludi studju dwar is-servizz ta’ cargo għal Għawdex mill-Freeport, Kordin u l-Belt Valletta.

  • It-tieni pilastru huwa l-inċentivi biex jiġu limitati l-użu tal-vetturi. Dawn l-inċentivi huma mmirati biex jikkonvinċu żgħażagħ ma jakkwistawx liċenzja tal-karozza u ħaddiema biex jużaw il-karozza privata tagħhom fl-off-peak hours.

Tiġi riveduta wkoll l-Employee Transportation Deduction Act fejn l-inċentiv għall-persuni li jagħmlu użu mill-carpooling jonqos minn tmien għal erba’ persuni.

  • It-tielet pilastru huwa l-faċilitajiet ġodda ta’ park & ride fil-qalba tal-lokalitajiet biex tittaffa l-problema tal-parkeġġi. Qed jiġi propost li jiġi kkunsidrat parkeġġ fi spazju pubbliku bħal per eżempju parkeġġi fi skejjel. Jiġu esplorati wkoll soluzzjonijiet diġitali b’rabta mal-parkeġġi.
  • Ir-raba’ pilastru huwa t-trasport pubbliku. Il-proposti f’dan il-pilastru għandhom l-għan li jiġu evalwati rotot ġodda u diretti u reviżjoni tar-rotot kollha. Fost ir-rotot dirett jinkludu minn Park & Ride f’Ta’ Qali għall-Isptar Mater Dei u l-Università.
  • Il-ħames pilastru huwa t-titjib fil-koordinazzjoni tax-xogħlijiet bejn l-entitajiet kollha kkonċernati u proġetti infrastrutturali fit-toroq. Propost ukoll li jinħoloq kumitat biex jikkordina x-xogħlijiet infrastrutturali u tittejjeb il-komunikazzjoni mar-residenti.
  • Is-sitt pilastru huwa ideat għall-ivvjaġġar b’modi ta’ trasport sostenibbli. Dawn għandhom iwasslu għal modi differenti ta’ trasport iktar sostenibbli u attiv. Se titnieda wkoll strateġija nazzjonali għall-mixi u l-użu bir-roti.

Il-Ministru Chris Bonett sostna li “Dawn il-proposti huma parti minn katina ta’ proposti li mhux biss huma mmirati li tittaffa l-konġestjoni tat-traffiku fil-mument iżda wkoll viżjoni fit-tul. Irridu nħarsu wkoll lejn sistema teknoloġika fejn l-immaniġġjar tat-traffiku tagħna ma jkunx biss uman imma jkun ukoll diġitali.”

Il-konsultazzjoni dwar dawn il-proposti hija miftuħa għal kulħadd u kull min jixtieq jagħti s-suġġerimenti tiegħu, jista’ jagħmel dan billi jidħol fuq www.reshapingourmobility.com.

Ekonomija

Sport