Tuesday, April 23, 2024

Pajjiżi oħra jgħidu li se jirregolarizzaw is-suq tal-kannabis

Aqra wkoll

Għalkemm il-liġi dwar l-użu responsabbli tal-kannabis qanqlet kontroversja sħiħa bejn min jaqbel jew ma jaqbilx magħha, u wkoll minkejja ċ-ċokon ta’ pajjiżna, Malta ġibdet l-attenzjoni tal-media internazzjonali tant li poġġew lil pajjiżna bħala l-ewwel stat membru tal-Unjoni Ewropea li llegalizza l-kultivazzjoni u l-użu personali tal-kannabis.

Din il-liġi, li kienet meqjusa mill-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici bħala pass storiku għax se trażżan it-traffikar tad-droga, ġiet approvata mill-Parlament nhar it-Tlieta li għadda anki minkejja li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista vvutat kontriha.

Kif inhi approvata, il-liġi se tagħti d-dritt lil persuni adulti li jġorru fuqhom sa 7 grammi kannabis u li jikkultivaw sa erba pjanti f’darhom stess mingħajr ma jittieħdu passi kontrihom. Dritt li sa nhar it-Tnejn li għadda ma kienx jeżisti għax l-użu tal-kannabis kien għal kollox illegali.

L-istess liġi iżda qed tipprojbixxi t-tipjip tal-kannabis fil-pubbliku u anki fil-preżenza ta’ persuni taħt it-18-il sena. Fil-fatt, biex tassigura din il-projbizzjoni, il-liġi l-ġdida tipprovdi għal penali ta’ multi ta flus iżda mhux pieni karċerarji.

Il-kummenti li spikkaw l-iktar fil-media internazzjonali kienu dawk tal-BBC li semma kif Malta hija l-ewwel minn għadd ta’ nazzjonijiet li se jbiddlu l-liġijiet tagħhom dwar il-kannabis wara li s-sena l-oħra n-Nazzjonijiet Uniti kklassifikat mill-ġdid il-kannabis biex tirrikonoxxi l-użu terapewtiku tagħha.

Skont il-BBC, il-gvernijiet tal-Lussemburgu, il-Ġermanja u l-Iżvizzera diġa ħabbru pjanijiet biex jistabbilixxu suq regolat legalment għal kannabis. Mill-banda l-oħra, il-kannabis għadha teknikament illegali fl-Olanda, li hija famuża ħafna għall-kafetteriji tal-kannabis. Madankollu fl-Olanda hemm tolleranza għall-kannabis meta din tinbiegħ fil-ħwienet tal-kafè.

L-Italja min-naħa tagħha se tagħmel referendum dwar il-kwistjoni s-sena d-dieħla, filwaqt li l-Afrika t’Isfel, il-Messiku, il-Ġamajka, il-Portugall u għadd ta’ stati fl-Istati Uniti diġà għandhom leġiżlazzjoni simili fis-seħħ.

L-Urugwaj kien l-ewwel pajjiż fid-dinja li llegalizza l-kannabis għall-użu personali fis-sena 2013 u warajh kienet il-Kanada li għamlet l-istess fl-2018.

Sport