“Tlifna Papa qaddis ta’ żminijietna. Tlifna Papa viċin in-nies. Papa Franġisku kien Papa li pprova jifhem diversi sitwazzjonijiet, li ma kinitx xi ħaġa faċli… Il-Papa jibqa’ kbir għax kien viċin in-nies il-foqra. Jibqa’ kbir għax ipprova jġib ċertu riformi fil-Knisja li mhux dejjem intlaqgħu tajjeb għax kien hemm min irreżistihom. Però, fuq kollox, dan il-Papa għallimna kif ngħixu – li nkunu viċin ta’ Kristu u ta’ xulxin… Nisimgħu lil xulxin u naħfru lil xulxin, kif ukoll nimxu flimkien bis-solidarjetà.”
Dan huwa l-ħsieb ta’ Fr Mario Attard OFM fejn spjega li Papa Franġisku kien Papa li pprova jħaddem anke l-liġi tal-Knisja fiċ-ċirkostanzi tal-lum. Enfasizza li kien ukoll Papa li fakkarna f’dak li jgħidilna Ġesù fil-Vanġelu fil-Missier tagħna tas-sema li jħobb lil dawk li japprezzawh u lil dawk li ma jagħtux kasu, lil dawk li jirringrazzjawh għax itella’ x-xemx u jniżżel x-xita u lil dawk li qisu għalihom ma jeżistix.
Min-naħa tiegħu Fr Mario qiegħed jitlob ħafna li l-Papa ta’ wara Franġisku jimxi fuq l-istess passi tiegħu. Dan għax “wara kollox aħna qegħdin nimmiraw għas-sema u s-sema mhux min huwa aktar qawwi minn min imma, aħwa familja ma’ Alla li jħobbna li huwa Missierna,” temm Fr Mario Attard.