Friday, November 29, 2024

Parkeġġ fil-Qawra moħli “għar-rimi” ta’ karozzi u bċejjeċ oħra

Is-Sindku ta’ San Pawl jgħid li kieku dan l-ispazju jintuża sew kieku tibda tittaffa ftit mill-problema enormi ta’ parkeġġ fl-inħawi

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Spazju ta’ parkeġġ viċin lukanda fil-Qawra spiċċa moħli b’karozzi mitluqa b’uħud minnhom b’taħrika ta’ kontravenzjoni. Fih kien hemm min wasal biex anke ħalla karrijiet, dgħajjes u bċejjeċ oħra. Residenti fl-inħawi lmentaw li wħud minn dawn il-bċejjeċ mitluqa f’dan l-ispazju tant ilhom hemm li spiċċaw mimlija trab u b’ħaxix li kiber madwarhom. Hawn wieħed jistaqsi għala dan l-ispazju qiegħed jinħela u abbużat bħala “miżbla” mingħajr mal-kunsill, entità jew awtorità, ma jieħdu azzjoni biex jaraw li tali oġġetti jitneħħew.

Dan is-sit rrefera din il-problema ambjentali li qiegħda ddejjaq lir-residenti tal-madwar lis-Sindku tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, Ċensu Galea, fejn staqsejnih jekk dawn il-karozzi u bċejjeċ oħra “mormija” humiex se jitneħħew, kif ukoll staqsejnih jekk effettivament il-Kunsil għandux il-poter li jieħu azzjoni fir-rigward.

Spazju li qatt ma għadda għand il-Kunsill…

“Is-sitwazzjoni tal-parkeġġ imsemmi u ta’ inħawi oħra wkoll, kont jien stess li tellajt ritratti ta’ dak il-post, iktar minn darba. Nibda billi ngħid li dak l-ispazju, li suppost iservi ta’ parkeġġ qatt ma għadda b’mod uffiċjali għand il-Kunsill Lokali. Madanakollu il-vetturi, dgħajjes, karrijiet u kemm inħolqu affarijiet oħra, fil-fatt, ġew irrapportati. Hawn ukoll tajjeb li wieħed jgħid li hawn konfużjoni dwar min għandu d-dritt li jneħħi affarijiet bħal dawn. Il-Kunsill waħħal avviżi mal-oġġetti li kien hemm fuq il-post. Uħud mill-affarijiet tneħħew minn sidhom. Oħrajn, li kienu bla ebda indikazzjoni ta’ min jista’ jkun sidhom, tneħħew ukoll minn persuni oħra,” beda jispjega Galea.

Huwa qal li f’dawn l-aħħar ġimgħat sar sforz biex flimkien mal-Pulizija jitneħħew vetturi oħra. Insista li, “spiss il-Kunsill isib ruħu fil-pożizzjoni li bejn Transport Malta (TM), il-Pulizija u l-istess Kunsill ma jkunx jista’ jaġixxi. Il-liġi tagħti drittijet lill-Kunsill ukoll biex jaġixxi, imma jekk TM, il-Pulizija u ħadd m’għandu spazju fejn ipoġġi dak li jitneħħa, il-Kunsill minn fejn se jsib l-ispazju? Aħna xorta se nibqgħu naraw li jitneħħa dak li jista’ jitneħħa. Jidher li issa se tinstab sistema ta’ kif jiġi involut il-privat li għandu spazju ħalli jitneħħew dawn il-bosta oġġetti jiġru ma’ kullimkien Din is-sitwazzjoni mhiex tirriżulta biss fil-pjazza indikata”.

“Il-vetturi, dgħajjes, karrijiet u kemm inħolqu affarijiet oħra, fil-fatt, ġew irrapportati. Hawn ukoll tajjeb wieħed jgħid li hawn konfużjoni dwar min għandu d-dritt li jneħħi affarijiet bħal dawn…”

Ċensu Galea, Sindku tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar

Min-naħa tiegħu, is-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar qal li wħud mill-oġġetti tneħħew, iżda temm jgħid li, “mhux se nikkuntenta ruħi qabel jitneħħew kollha, bħalma mhux se nikkuntenta ruħi qabel dan il-parkeġġ jingħata xi wiċċ sura ħalli jkun jista’ jsolvi parti mill-problema enormi ta’ parkeġġ li hemm fl-inħawi”.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport