Monday, December 9, 2024

Iffirmat l-aqwa ftehim kollettiv għall-ħaddiema tas-servizz pubbliku

33,000 ħaddiem se jgawdu minn żidiet sostanzjali fil-pagi u titjib qawwi fil-kundizzjonijiet

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Ġimgħa filgħodu, ġie ffirmat l-aqwa ftehim kollettiv għall-ħaddiema tas-servizz pubbliku li minnu se jgawdu 33,000 impjegat b’żidiet sostanzjali fil-pagi u titjib qawwi fil-kundizzjonijiet. Dan il-ftehim iffirmat ma’ 10 unjins, inkluż il-General Workers’ Union, jikkumplimenta l-kundizzjonijiet tal-impjieg stabbiliti fi Ftehimiet Settorjali, jiġifieri għal kategoriji/professjonijiet partikolari, tas-Servizz Pubbliku.

Dan il-ftehim se jkopri s-sitt snin li ġejjin, mill-1 ta’ Jannar 2025 sal-31 ta’ Diċembru 2030, u se jiġu investiti għalih €1.27 biljun hekk kif ikopri żidiet fil-pagi, żidiet f’allowances ġodda u l-introduzzjoni ta’ allowances oħrajn. Permezz ta’ dan il-ftehim ukoll, l-impjegati li mhumiex fuq il-massimu tal-iskala rispettiva tagħhom ikunu intitolat wkoll għall-increments. Filwaqt li l-inqas skala tal-Gvern kienet €500 fuq il-paga minima, issa permezz ta’ dan il-ftehim ġiet €1,200 ’il fuq mill-paga minima.

Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela spjega kif dan huwa l-aqwa ftehim li qatt ingħata għas-servizz pubbliku. Qal li dan l-investiment tant b’saħħtu seta’ jsir għaliex għandna ekonomija b’saħħitha li hija reżiljenti u sa issa ġġenerat tkabbir ta’ 7%, biex irnexxielna naqbżu dak li kien qed jiġi mbassar.

Il-Prim Ministru ddikjara wkoll li għal dan il-Gvern, is-servizz pubbliku jibqa’ mutur ekonomiku u soċjali. Jibqa’ ċ-ċavetta biex niksbu suċċess fit-twettiq tal-ħidma tal-gvern, fosthom bl-implimentazzjoni tal-Budget.

Tenna wkoll li rridu nimxu għat-tragward li jmiss dak tal-Viżjoni Malta 2050, dokument li jrid jirrifletti l-aspirazzjonijiet ta’ poplu wieħed u magħqud, b’miri intermedjarji sal-2035 u jwassalna wkoll sal-2050, fejn irridu naraw qabża fil-kwalità f’tant oqsma kruċjali.
Il-Kap tas-Servizz Pubbliku Tony Sultana qal illi l-ftehim li ġie ffirmat illum mhux se jkun qed jieħu post il-ftehimiet settorjali diġà ffirmati imma se jkun qed jikkumplimentahom. “Dan huwa ftehim li se jkun qed idaħħal kunċetti ġodda bħall-introduzzjoni tal-Long Service Bonus, kif ukoll żjidiet bla preċedent fis-salarji, allowances u rata ta’ ħlas ta’ overtime”, qal Sultana.

Żied isostni li dan il-ftehim qed iħares lil hinn mill-aspett finanzjarju b’enfasi prattika fuq il-bilanċ tal-impjegati bejn ix-xogħol u l-ħajja personali, is-saħħa mentali u inizjattivi sostenibbli. Il-Kap tas-Servizz Pubbliku temm jgħid li għall-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku dan huwa mument storiku biex inkomplu intejbu, inbiddlu u nimmodernizzaw lis-Servizz Pubbliku sabiex nagħtu servizz dejjem aħjar u ta’ aktar kwalità għall-ġid ta’ pajjiżna.

Flimkien mal-Prim Ministru u l-Kap tas-Servizz Pubbliku, attendew ukoll is-Segretarju Permanenti fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru Joyce Cassar, flimkien mat-tmexxija tal-għaxar unjins involuti f’dan il-ftehim.

Ekonomija

Sport