Thursday, April 25, 2024

Partit li se jibqa’ jiġġedded b’garanzija li jirrealizza l-wegħdiet

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waqt intervista fuq One Radio l-Prim Ministru Robert Abela saħaq li n-nies jafu li l-Partit Laburista fil-Gvern huwa l-aqwa garanzija li l-wegħdiet jista’ jagħmilhom realtà.  Abela ħabbar li bħala partit ppjana li bejn is-17 u l-20 ta’ Settembru se jlaqqa’ konferenza li se timmarka kif dan il-moviment se jkompli jġedded lil pajjiżna. Kull min jemmen li għandu kontribut x’jagħti lejn pajjiżna se jkun mistieden għal din il-konferenza biex eventwalment jiġi mfassal dak li dan il-gvern jemmen fih għall-futur ta’ pajjiżna.

Il-Prim Ministru spjega li hu jemmen li l-bniedem jgħix ħajja waħda u hu kien proprju għalhekk li daħal fil-politika għax imbagħad hemm il-gvern li jrid ikun hemm biex jara li kull individwu u individwa jaslu għall-aspirazzjonijiet tagħhom.

B’referenza għall-iskema oħra maħsuba biex aktar nies isiru sidien ta’ darhom; New Hope, Abela qal li din hija inizjattiva li tibni fuq skemi oħrajn li ġew introdotti aktar qabel. Huwa fakkar li għandek persentaġġ żgħir ta’ nies li minkejja riforma wara l-oħra jibqgħu jsibuhadiffiċli biex isiru sidien ta’ darhom. Fakkar dwar ir-riforma tal-kirjiet ta’ qabel l-1995 li kull amministrazzjoni tefgħetha taħt it-tapit, iżda dan il-gvern daħal għal din ir-riforma biex intlaħaq kompromess bejn is-sidien u l-inkwilini.

Skema oħra kienet dik tal-equity sharing fejn kellek ċirkostanzi ta’ sitwazzjonijiet partikolari ta’ problemi f’relazzjonijiet bejn koppji miżżewġin b’residenza waħda bejniethom. Ħafna minnhom kien ikollhom aktar minn 40 sena u b’hekk kienu jsibuha aktar diffiċli biex jieħdu loan biex ikunu jistgħu jibdew mill-ġdid. Abela qal li l-istatistika titkellem waħdiha fejn f’medda ta’ ftit snin; mill-2012 lil hawn kien hemm żieda ta’ 33,000 familja li saru sidien ta’ darhom grazzi għal ħidma li qiegħed jirnexxielu jwettaq dan il-gvern.

Permezz tal-investiment ta’ €3 miljun, l-Awtorità tad-Djar se tkun qiegħda tagħmel tajjeb għar-riskju li kien qiegħed ipoġġi dubju fil-kumpaniji assiguratriċi tal-privat u b’hekk il-loan se tkun qiegħda tiġi pproċessata b’mod normali. Fl-eventwalità ta’ mewt sfortunata, dan il-fond se jkun qiegħed jagħmel tajjeb u dan jikkonderma kemm dan il-gvern għandu għal qalbu l-ħajja tan-nies.

Abela waqt li kompla jispjega aktar skemi fakkar dwar l-importanza ta’ ekonomija b’saħħitha li tgħin lill-gvern biex jara li ssir ġustizzja soċjali.

Dwar iż-żjara tiegħu f’kumpanija li timpjega mijiet ta’ nies fil-ħamsin sena mill-bidu tal-ħidma tagħhom f’pajjiżna. Abela qal li f’diskussjonijiet li kellu mal-operaturi seta’ jinnota ottimiżmu li ġej mill-ordnijiet tal-aqwa ditti tas-sbuħija li jagħmlu l-ordnijiet tagħhom minn din il-gżira tagħna. 

Il-Prim Ministru fakkar li mill-2004, is-settur tal-manifattura kien qabad it-triq tan-niżla, iżda s-sapport tal-gvern Laburista mhux biss qaleb il-folja, iżda saħansitra wassal biex l-operaturi minkejja żmien iebes bħalma hija l-pandemija, jażlu li jibqgħu jinvestu grazzi għall-inċentivi mogħtija. Abela qal li s-sabiħ fuq dan kollu huwa l-fatt li dawn il-kumpaniji qed jibbenefikaw minn skemi ambjentali maħruġa minn dan il-gvern fejn il-produzzjoni hija waħda li toħloq mil-lanqas emmissjonijiet bħalma hija sistema ta’ water-filtering. Skema oħra kienet dik ta’ €4 miljun għall-kostruzzjoni biex jonqsu l-emissjonijiet minn inġenji antiki għal dawk ġodda b’55.%. 

Għall-kuntrarju, il-Prim Ministru qal ukoll kif in-nuqqas ta’ kredibilita’ tal-Oppożizzjoni kienet evidenti fis-settur ambjentali bil-Kap tal-oppożizzjoni jasal jikkontradixxi lilu nnifsu.

“Filli jgħidlek issemmix il-pjani tal-2006, u filli jiddefendihom. Mhux jiddefendihom imma jgħidlek li kienu tajbin. Mhux jgħid l-affarijiet setgħu saru aħjar, u forsi dik storja li għad trid tinkiteb, għaliex setgħu saru aħjar minn kull lat, imma jgħidlek li kienu tajbin. Jien bħala Prim Ministru, fuq oqsma differenti, ngħid kontinwament isma ejja nżommu t-tajjeb u nibnu fuqu.  Issaqsihom fuq id-divorzju jgħidulek li għamlu sew, issaqsihom fuq l-IVF jgħidulek li kienu għamlu sew. Dan juri li ma tgħallmu xejn”, kompla l-Prim Ministru.

 Abela temm jgħid li l-Partit Laburista jibqa’ forza politika b’saħħitha għax huwa ħaj u mhux supperv għax jisma’ mingħand in-nies. Il-partit li għandu l-enerġija u l-motivazzjoni li jkompli jibdel il-pajjiż għat-tajjeb.

Sport