Il-Gvern Malti u l-kumpanija Norveġiża Nexans AS iffirmaw il-kuntratt għall-manifattura u l-installazzjoni tal-cable ta’ taħt il-baħar. Dan huwa pass importanti fil-proġett tat-tieni interconnector, b’valur globali ta’ madwar €300 miljun. Dan il-proġett huwa kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea, u huwa meqjus bħala proġett ta’ importanza strateġika mill-Unjoni Ewropea nnifisha.
Waqt iċ-ċerimonja tal-iffirmar, il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli saħqet, “Dan huwa proġett li se jsaħħaħ il-konnettività enerġetika tal-pajjiż. Proġett li se jgħinna nsostnu bidliet oħra li bdejna u li se nkomplu b’iktar saħħa. Dan huwa investiment li se jiffaċilita t-transizzjoni lejn ekonomija newtrali mill-karbonju u se jippermetti iktar sorsi rinnovabbli f’pajjiżna u anke importazzjoni ta’ elettriku minn sorsi rinnovabbli.”
Il-Ministru Dalli spjegat kif it-tieni interconnector se jagħti wkoll iktar serħan il-moħħ, hekk kif minflok interconnector wieħed, pajjiżna se jkollu tnejn: “Sfidi jinqalgħu u inċidenti ġieli ġraw. Għalhekk li qed naħdmu biex insaħħu s-sigurtà tal-provvista ta’ pajjiżna.”
L-iffirmar tal-ftehim ma’ Nexans huwa tragward importanti għall-proġett tat-tieni interconnector, magħruf aħjar bħala IC2. Dan il-kuntratt huwa wieħed minn sitt tenders maġġuri relatati ma’ dan il-proġett, u jittratta l-manifattura u l-installazzjoni tas-submarine 245kV cable bejn Malta u Sqallija. Il-cable taħt il-baħar huwa twil 99km.
Il-kuntratt ġie ffirmat minn Adrian Dalli, Direttur Ġenerali mid-Dipartiment tal-Kuntratti u Yvan Duperray Viċi President Marketing and Sales f’isem Nexans Norway AS.
Iċ-chairman tal-bord ta’ Interconnect Malta, il-Perit Godwin Agius tenna, “Il-ftehim tal-lum jirrappreżenta tragward ewlieni li jqarribna eqreb lejn l-implimentazzjoni tat-tieni interconnector. Ftehim, li qed ibiddel snin ta’ ppjanar, disinn, permessi u xogħol iebes f’pass konkret ‘il quddiem. Interconnect Malta bi pjaċir tinnota li matul proċeduri ta’ sejħiet għall-offerti, kien hemm parteċipazzjoni qawwija minn ġganti tal-industrija li rawmu kompetizzjoni b’saħħitha.”
IC2 huwa ħolqa f’katina akbar ta’ inizjattivi li l-Ministeru għall-Enerġija u l-Gvern qed jieħdu biex Malta tilħaq il-miri tagħha ta’ dekarbonizzazzjoni bħala parti mill-viżjoni 2050. Dan il-proġett se jsaħħaħ is-sigurtà tal-provvista billi jirdoppja l-interkonnessjoni attwali ta’ Malta man-netwerk Ewropew. Fl-istess ħin tippermetti investiment akbar fl-enerġija rinnovabbli billi tipprovdi l-kapaċità ta’ riżerva meħtieġa biex tittratta l-intermittenza tal-enerġija rinnovabbli, inklużi sorsi offshore. Permezz tal-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji (Cost Benefit Analysis) tal-proġett, it-tieni interconnector mistenni jnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2 bi 13.5 miljun tunnellata.