Friday, May 17, 2024

Pjan biex sa Mejju li ġej issir berġa ġdida f’Birżebbuġa

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

“Ftit tal-ġranet ilu flimkien mal-Kunsill Lokali ħriġna s-sejħa biex ġewwa Birżebbuġa jkollna proprjetà biex sa Mejju li ġej ikollna berġa ġdida ġewwa din il-lokalità, bħalma se jkollna fl-ibliet u l-irħula kollha f’Malta u Għawdex.”

Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt attività bit-tema Malta Flimkien li saret f’Misraħ is-Summit f’Birżebbuġa.

Fl-indirizz tiegħu tkellem dwar il-proposti tal-Partit Laburista li ddeskrivihom bħala studjati, u li dan jikkuntrasta mal-proposti tal-Partit Nazzjonalista.

“Il-Malti jgħidlek il-ġurnata minn filgħodu turik u mill-ewwel sigħat ta’ meta l-Prim Ministru saffar is-suffara, il-poplu seta’ jara differenza ċara bejn żewġ partiti. Fuq naħa l-Partit Laburista li huwa lest, preparat u bi programm sod u Partit Nazzjonalista li minkejja ilu ħames snin fl-Oppożizzjoni, kif saffarna s-suffara aħna tlaqna niġru u huma qas biss jafu x’laqathom. Dak li laqathom żgur li fl-ewwel ġurnata tal-kampanja telqulhom erba’ mill-aktar deputati popolari fil-partit tagħhom,” qal Dr Fearne.

Qal li mid-door to door qed jaraw rispons qawwi għall-proposti li bħala Partit mill-ewwel bdew iħabbru. Iddeskriva dawn il-proposti bħala studjati u li se jagħtu ħajja aħjar lill-familji u l-ħaddiema. Qal li huma l-Partit ta’ kollha flimkien, ta’ Malta flimkien, u l-Partit ta’ Malta u Għawdex kollu.

Żied jgħid li l-anzjani għandhom biss garanzija fihom li sena wara l-oħra se jkomplu jżidu l-pensjonijiet.

Qal li kull proposta li jagħmlu hija studjata u kkalkulata. Fi kliem Dr Fearne dan jikkuntrasta mal-Oppożizzjoni. “Il-proposti tagħhom huma proposti tad-dejn. Aħna fuq kollox huwa ċar li aħna l-partit li jista’ javda għall-ħames snin li ġejjin għax għandna l-proposti, il-viżjoni u tim ta’ kandidati b’saħħithom li mhux biss konna kapaċi mmexxu waqt pandemija, imma kapaċi mmexxu għall-ħames snin li ġejjin. Jekk ittuna l-fiduċja, il-ħames snin li ġejjin ikunu l-aqwa ħames snin li qatt raw il-gżejjer Maltin u Għawdxin,” qal Dr Fearne. 

“Il-ħolma li jkollna ambjent aħjar issa se ssir realtà” 

Tkellem ukoll dwar il-ħolma li jkollna ambjent aħjar issa se ssir realtà. “Se noħorġu €700 miljun fuq seba’ snin biex nagħmlu minn pajjiżna, pajjiż fejn l-ambjent huwa prijorità. Illum qed ngħidu li l-ambjent huwa prijorità u dan ngħiduh b’mod konkret għax qed nuru b’mod ċar fosthom iż-Żonqor fejn sa ftit tas-snin ilu konna ngħidu li hemm bżonn isir proġett, issa ngħidu għax l-ambjent huwa ta’ prijorità, iż-Żonqor nerġgħu intuh lura lin-nies,” qal Dr Fearne.

Żied jgħid li l-Covid ħalliet impatt fuq is-saħħa tan-nies, fuq l-ekonomija u ħalliet impatt ukoll fuq is-saħħa mentali. “Il-fatt li aħna se ndaħlu n-natura fl-ibliet u l-irħula tagħna se tagħti imbuttatura kbira biex iċ-ċittadini jkollhom post fejn jirrilassaw u flimkien kollha kemm aħna jkollna pajjiż li huwa aħdar. Issa l-ambjent se jidħol l-ewwel fil-konsiderazzjoni tagħna.”

Tkellem ukoll dwar iċ-ċentru tas-saħħa rinovat ġewwa l-Gżira li se jaqdi l-ħtiġijiet tan-nies tal-madwar li minn għada se jibda jilqa’ n-nies fih. Din hija parti minn kullana ta’ ċentri tas-saħħa oħra li bħalissa għaddej ix-xogħol fuqhom.

Sport