Friday, November 1, 2024

Pjattaforma ġdida li tippromwovi l-offerti ta’ Black Friday

Aqra wkoll

Il-Malta Chamber of SMEs nediet il-kampanja ta’ Black Friday ta’ din is-sena. Għall-edizzjoni ta’ din is-sena, il-Kamra tal-SMEs introduċiet is-sit web www.blackfridaymalta.eu, pjattaforma mfassla biex tippromwovi l-offerti tan-negozji għal Black Friday filwaqt li tipprovdi wkoll għodda faċli għall-klijenti biex ifittxu offerti.

Il-klijenti se jkollhom ukoll l-opportunità li jirbħu aktar minn 200 vawċer, sempliċiment billi jirreġistraw fuq www.blackfridaymalta.eu.

Din l-inizjattiva tnediet f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat, u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli, u d-Direttur tal-MCCAA Grace Stivala flimkien mal-President tal-Kamra tal-SMEs Paul Abela u l-Kap Eżekuttiv Abigail Agius Mamo.

Il-Ministru Farrugia Portelli spjegat kif relazzjoni tajba mal-ażjendi u l-konsumatur hi importanti u għal dan il-għan il-Gvern tul l-aħħar xhur ħaseb biex ikompli jsaħħaħ il-qafas leġiżlattiv fosthom bl-Omnibus Directive, imma wkoll b’għodda ta’ Tribunal li issa wkoll qed isir online.

Fakkret kif bil-liġi meta jsir xiri online, konsumatur għandu dritt jirtira minn dak il-bejgħ sa 14-il jum wara li jitwassal il-prodott mixtri.

Fl-istess ħin, kull prodott li jinbiegħ waqt perjodu ta’ roħs, għandu jkollu l-prezzijiet kollha indikati, inkluż dak ta’ qabel traħħas il-prezz tul it-30 jum ta’ qabel is-sale.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-Kamra tal-SMEs Paul Abela enfasizza li Black Friday tagħmel Novembru xahar kruċjali għan-negozji. Huwa ħeġġeġ aktar negozjanti biex juru l-offerti tagħhom fuq il-websajt il-ġdida.

Abigail Mamo, Kap Eżekuttiv tal-Malta Chamber of SMEs, qalet li Black Friday sar l-aktar perjodu importanti għax-xiri u niżguraw li n-negozji u l-konsumaturi jagħmlu l-aħjar użu minnu. Ix-xiri f’Malta sar attraenti u kompetittiv ħafna. Meta wieħed iqis li m’hemm l-ebda kunsinna li tħallas u l-prodott jinkiseb fi żmien ġurnata jew tnejn, dan huwa żgur vantaġġ kbir.

Kunsiderazzjoni importanti oħra hija li jekk wieħed ikollu bżonn jibdel il-prodott, dan jerġa’ jiġi rranġat fl-iqsar perjodu ta’ żmien, mingħajr ma jkun hemm tħassib dwar l-ispejjeż tar-ritorn u kif jiġu solvuti kwistjonijiet aktar ikkumplikati. Black Friday hija okkażjoni ta’ ċelebrazzjoni u għandha tiġi bl-aktar konvenjenza u paċi tal-moħħ.

Aktar minn 170 negozju qed jipparteċipaw f’din l-inizjattiva u dawn jirrapreżentaw aktar minn 25 settur differenti.

Il-klijenti se jkollhom l-opportunità li jfittxu offerti skont il-kategorija u s-settur jew skont il-perċentwal tal-iskont, bi skontijiet disponibbli sa 70%, inklużi servizzi b’xejn.

In-negozji jistgħu jinkludu l-offerti tagħhom billi joħolqu kont fuq www.blackfridaymalta.eu.

Sport