Thursday, March 28, 2024

Player ta’ PSG liberata mill-arrest mingħajr akkuża

Aqra wkoll

Il-midfielder ta’ Paris St-Germain, Aminata Diallo, ġiet illiberata bla akkuża mill-pulizija Franċiża li qed tinvestiga attakk fuq il-kollega tagħha, Kheira Hamraoui. Dial­lo kienet ġiet arrestata nhar l-Erbgħa li għadda.

Diallo, ta’ 26 sena, kienet qed issuq lil Hamraoui u kollega oħra tat-team li isimha ma ssemmiex, lejn id-dar wara ikla tat-team f’Pariġi fl-4 ta’ Novembru meta sfaw aggrediti minn żewġ irġiel b’wiċċhom mgħammad.

L-uffiċċju tal-prosekutur ta’ Versailles ikkonferma li ż-żewġ individwi “ma kinux qed jinżammu aktar”.

“L-investigazzjoni għadha għaddejja sabiex jiġu identifikati l-aggressuri u l-kompliċi tagħhom,” qalu l-pulizija fi stqarrija.

Meta seħħ l-attakk, il-kollega internazzjo­nali Franċiza ta’ Diallo, Hamraoui, tkaxkret mill-karozza u ngħatat bis-sieq fuq saqajha.

Hamraoui, ta’ 31 sena, ġiet ikkurata l-isptar u sarulha l-ponti fuq dirgħajha u saqajha.

Fi stqarrija maħruġa nhar l-Erbgħa wara l-arrest ta’ Diallo, PSG qalu li qed jaħdmu mal-pulizija “biex jitfgħu dawl fuq il-fatti”.

Minbarra li kkundannaw bil-qawwa “il- vjolenza li saret”, il-club żied ukoll li “ħadu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiggarantixxu s-saħħa, il-benessri u s-sigurtà tal-players” minn mindu seħħ l-attakk.

Diallo, li ntgħażlet seba’ darbiet minn Franza, ingħaqad ma’ PSG fl-2016 u għamlet aktar minn 60 dehra mal-club. Fl-istaġun li għadda hija kienet mislufa għal xi żmien ma’ Atletico Madrid.

Hamraoui reġgħet ingħaqdet ma’ PSG fis-sajf li għadda u Diallo effettivament saret is-sostitut tagħha.

L-inċident ifakkar fl-attakk infami fuq l-iskater tal-figura Amerikana, Nancy Ker­rigan, fl-1994. Pjan imfassal mill-partitarji tar-rivali Tonya Harding wassal biex Kerri­gan intlaqtet b’lembuba tal-pulizija, li sfurzatha toħroġ mill-Kampjonati tal-Istati Uniti. Harding ċaħdet kull involviment.

Ekonomija

Sport