Wednesday, April 24, 2024

Titħabbar il-mewt tal-leġġendarju Ron Flowers

Aqra wkoll

L-ex midfielder tal-Ingilterra u Wolverhampton Wanderers, Ron Flowers (rit­ratt), miet il-bieraħ fl-età ta’ 87 sena. Huwa kien membru tal-iskwadra tal-Ingilterra li rebħet it-Tazza tad-Dinja fl-1966 u ngħata midalja tar-rebbieħa fl-2009.

Huwa lagħab 49 darba għall-Ingilterra li fihom skorja 10 goals u għamel 515-il dehra ma’ Wolves bejn l-1952 u l-1967.

Flowers għen lill-club jirbaħ tliet titli tal-Ewwel Diviżjoni u rebaħ ukoll l-FA Cup fl-1960 matul il-15-il sena tiegħu f’Molineux.

“Aħna mnikktin ħafna li nħabbru l-mewt tal-leġġendarju tal-club u l-vi­ċi-president Ron Flowers MBE fl-età ta’ 87,” qalu Wolves.

“Ġgant fil-ground u ġentlom barra. Se jkun hemm ħafna nies li jiftakru lil Ron illum u l-ħsibijiet tagħna kollha huma ma’ dawk li kienu jafuh u ħabbewh.”

Huwa għamel id-debutt tiegħu mal-Wolves ta’ 18-il sena fl-1952 u l-ewwel logħba mal-Ingilterra kienet kontra Franza fl-1955.

Flowers skorja fit-Tazza tad-Dinja tal-1962 fiċ-Ċili u lagħab 40 logħba konsekut­tiva mal-Ingilterra bejn Novembru 1958 u April 1963.

Kien ukoll l-ewwel player tal-Ingilterra li skorja fil-Kampjonat Ewropew b’goal kontra Franza f’partita ta’ kwalifikazzjoni f’Hillsborough fl-1962.

Huwa ngħata MBE fil-Lista tal-Unuri tas-Sena l-Ġdida 2021.

Fl-1966, il-11-il player tal-Ingilterra biss li lagħbu fi tmiem ir-rebħa finali 4-2 tat-Tazza tad-Dinja fuq il-Ġermanja tal-Punent irċevew midalji.

Iżda mbagħad il-FIFA tat midalji lill-iskwadra kollha u lill-membri tal-istaff ta’ kull pajjiż rebbieħ tat-Tazza tad-Dinja mill-1930 sal-1974 u Flowers, flimkien ma’ players u staff oħra tal-Ingilterra, irċeva tiegħu f’ċerimonja f’10, Downing Street fl-2009.

Ron Flowers kien figura leġġendarja ma’ Wolves kif ukoll membru ferm rispettat u ammirat tal-iskwadra tal-Ingilterra tat-Tazza tad-Dinja tal-1966, minkejja li ma deher fl-ebda logħba.

Iżda kien ma’ Wolves, fejn se jibqa’ mfakkar b’għożża bħala player progressiv ta’ nofs il-ground li seta’ jaddatta għal rwol aktar difensiv aktar tard fil-karriera tiegħu.

Flowers huwa wieħed mill-personalitajiet ikoniċi tal-club uwieħed  mill-aqwa players, b’karriera distinta, li wara li rtira baqa’ f’kuntatt mal-partitarji ta’ Wolves li idolizzawh meta kompla jmexxi ħanut popolari tal-isports fil-belt li llum huwa mmexxi minn ibnu Glenn.

Sport