Saturday, May 18, 2024

Polka li kienet fuq it-Titanic inbigħet f’irkant għall-prezz ta’ €113,000

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Polka klassika li kienet proprjetà ta’ krivan abbord l-RMS Titanic wara 110 snin inbigħet f’irkant għall-prezz ta’ £98,000 (€113,000). L-arloġġ li kien ta’ Oscar Scott Woody baqa’ wieqaf miż-żmien li kien mar għall-vjaġġ storiku fl-14 ta’ April, 1912.

Dan l-arloġġ li jinżamm fil-but kien instab u ttella’ minn qiegħ l-oċean u ritornat lill-mara tiegħu, Leila. F’irkant imtella’ fi tmiem il-ġimgħa minn Henry Aldrige & Sons f’Devizes, din il-polka nbigħet flimkien ma’ għadd ta’ oġġetti oħra li kien hemm fuq il-vapur li tniżżel fl-Istorja – it-Titanic. 

Fost l-oġġetti mibjugħa kien hemm menu tal-passiġġieri fl-ewwel klassi li nbigħ għall-prezz ta’ €57,600 kif ukoll lista tal-istess klassi ta’ passiġġieri li nbigħet għal €47,000. Din tal-aħħar kienet proprjetà ta’ George Brereton li qatta’ ħajtu abbord vapuri transantlantiċi bit-tama li jaqla’ l-flus. 

L-irkantatur Andrew Aldridge f’intervista mal-BBC qal li Brereton immarka l-ismijiet tal-aktar persuni sinjuri fuq din il-lista fosthom dak ta’ Charles Hays li kien is-sid tal-Grand Pacific Railroad fl-Amerika.

Henry Aldrige & Son huma magħrufa sewwa għall-bejgħ bl-irkant ta’ oġġetti minn fuq it-Titanic u fost l-aktar famużi hemm dak tal-bejgħ fl-2017 ta’ kowt proprjetà ta’ waħda mill-impjegati li mar għall-prezz ta’ €173,000. Fl-istess sena, ittra mill-passiġġier tat-Titanic Oscar Holverson, inbigħet għal €145,000.

Sport