Saturday, May 4, 2024

Titressaq fil-Parlament l-emenda li tipproteġi lit-tobba u nisa tqal f’każ ta’ kumplikazzjonijiet serji

Aqra wkoll

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ressaq fil-Parlament l-Ewwel Qari tal-emenda fil-kodiċi kriminali intiża biex it-tobba ma jiġux imxekklin milli jsalvaw il-ħajja ta’ mara tqila f’każ ta’ kumplikazzjoni mediċi serji.

Fearne ħabbar dwar il-ħtieġa li titressaq din l-emenda waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-aħħar jiem fejn spjega li din se tindirizza sitwazzjonijet ta’ tqala ta’ 5 xhur jew inqas u li l-bidla hi waħda favur il-ħajja. Żied jgħid li l-ħsieb warajha huwa li tipproteġi lill-ommijiet għax f’dawn il-każi l-għażla tkun bejn li ssalva l-omm jew li jmutu l-omm u t-tarbija.

Huwa kien semma kif bil-liġi eżistenti t-tobba u l-ommijiet li jtemmu t-tqala f’dawn iċ-ċirkustanzi jistgħu jiffaċċjaw sentenza sa 4 snin ħabs u t-tobba jistgħu saħansitra jitilfu l-warrant. Issa permezz ta’ din l-emenda ppreżentata t-tobba se jkunu koperti legalment biex jagħmlu dak meħtieġ biex titħares is-saħħa tal-omm waqt it-tqala. 

Il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard kien qal waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet li b’dawn l-emendi l-pajjiż se jdaħħal fil-liġi dak li għal snin twal kien prassi fl-aħjar interess tal-pazjent.

Min-naħa tagħha s-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg sostniet li l-ebda mara li qed tistenna tarbija m’għandha titħalla jew saħansitra titpoġġa f’periklu minħabba inċertezzi fil-liġi eżistenti u li għalhekk din r-riforma se tagħti serħan il-moħħ billi telimina ċ-ċans li trattamenti mediċi ma jingħatawx minħabba biża’ li dawn jistgħu jwasslu għal passi kriminali.

Sport