Monday, December 23, 2024

POTER

Aqra wkoll

Jeżistu mexxejja llum li għandhom poter assolut fuq iċ-ċittadini tagħhom? Igħidulna li jeżistu, minn dak tal-qassisin Iżlamiċi li jmexxu l-Iran sas-sistema ta’ tmexxija fil-Korea ta’ Fuq, dominata mill-familja ta’ Kim-il Sung.

Jissemmew oħrajn pjuttost awtoritarji, bi klikka ta’ nies li jimponu  l-interessi jew il-fehmiet tagħhom fuq il-bqija, għax jistrieħu fuq makna ta’ kontroll u ripressjoni li tiżgura li tgħaddi tagħhom.

L-interessanti hu li sistemi dittatorjali ta’ tmexxija statali, assoluti jew le, kollha jirreklamaw li huma demokratiċi. Uħud minnhom jaħlu ħin u riżorsi kbar biex jimmontaw eżerċizzji ta’ demokrazija finta li ma jikkonvinċu lil ħadd. X’inhu l-interess li ssostni li int demokratiku meta hi ħaġa ċara għal kulħadd, barra u ġewwa l-pajjiż, li żgur mhux hekk?

Jidher li l-ebda poter statali ma jista’ jitqies stabbli jew validu, anke minnu stess, jekk jistrieħ biss fuq il-fatt tal-forza lampanti li biha qed jiġi eżerċitat.

MA JISTAX IKOLLNA

Wieħed jifhem kif minħabba ċ-ċokon tagħna bħala pajjiż-gżira magħluq mill-baħar, hemm ħafna attivitajiet li ma nistgħux norganizzaw fuq it-territorju tagħna. Pereżempju, diffiċli timmaġina kif f’Malta tista’ torganizza l-isport tal-iski fuq is-silġ bħal fil-muntanji. 

  Matul is-snin kont nemmen li ċertu sport ieħor, bħal dak tal-golf, seta’ jittella’ f’Malta imma r-reżistenzi li din l-idea qajmet fost nies li kienu jaħsbuha mod ieħor, ma kinux ċkejkna. Sal-lum firxa ta’ art iddedikata għall-golf ta’ skala internazzjonali ma għandniex. Min-naħa l-oħra, fuq l-istess skala jew akbar, għadhom għaddejja inizjattivi biex tinbena korsa għat-tlielaq tal-karozzi. 

Il-limiti fiżiċi tal-pajjiż ma nistgħux nirbħulhom. Wara kollox kull pajjiż hu soġġett għal ċerti limiti: dawk li joffru skop għall-iski tal-muntanji, mhux kollha jistgħu jgawdu bħalna mill-iski tal-baħar.

TENSJONIJIET EWROPEJ

Fit-tħejjijiet għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, jidher sew li kważi mal-pajjiżi kollha, se jkunu kwistjonijiet nazzjonali li se jiddominaw — fuq kollox, għax l-elezzjonijiet se jitqiesu bħala test tal-popolarità tal-gvern tal-ġurnata imqabbla ma’ dik tal-Oppożizzjoni li qed jaffaċċja.

Madankollu hemm żewġ temi politiċi li jidhru wkoll komuni għall-pajjiżi konċernati. L-ewwel waħda hi dik tas-saħħa li se jkunu qed juru l-partiti populisti fl-għażliet li jagħmlu l-popli. Hawn jidher ċar li kemm mix-xellug u aktar u aktar mil-lemin, il-populisti qed iħejju sfidi qawwija. Imma din hi kwistjoni li tolqot l-aktar lill-iskjeramenti politiċi infushom, mhux direttament lill-eletturi.

It-tieni kwistjoni tagħmel dan u x’aktarx li minħabba f’hekk se tkun aktar qawwija: tirrigwarda l-impatt fuq il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini magħmul mill-għoli tal-ħajja. Fil-pajjiżi kollha l-piżijiet li ġabet magħha l-inflazzjoni qed jinħassu bil-kbir.

Ekonomija

Sport