Dan tmiem il-ġimgħa se jkun l-10 wieħed li t-titlu tal-Premier League Ingliż se jiġi deċiż fl-aħħar ġurnata tal-istaġun. Iżda qabel dawk inkarigati mill- kompetizzjoni għandhom ikunu tant grati għal konklużjoni mill-aktar eċċitanti tal-istaġun.
L-isfida ta’ Liverpool fl-aħħar spiċċat, fejn ixxejjen il-ħolm tal-partitarji tagħhom ta’ l-addio trijonfanti lill-manager, Jurgen Klopp, u l-prospett ta’ battalja bejn tlieta mingħajr preċedent li kellha tmur id-distanza kollha.
Iżda huma Manchester City jew Arsenal li se jiġu nkurunati champions fl-aħħar att ta’ dak li kien dwell klassiku.
Għada jista’ ma jipprovdix id-drama indimentikabbli tal-aħħar ġurnata tal-2012, meta l-goal rebbieħ fil-ħin miżjud ta’ Sergio Aguero ssiġilla l-ewwel titlu tal-Premier League lis-City. Iżda kemm jekk jispiċċawx b’poker ta’ titli konsekuttivi jew ikunx l-ewwel wieħed f’20 sena minn Arsenal, il-kapijiet tal-kampjonat, ix-xandara u n-newtrali se jkollhom il-finali speċjali li ttamaw għaliha.
Madankollu, barra mill-ground, dawn kienu żminijiet inkwetanti għall-aqwa livell. It-tnaqqis tal-punti lil Everton u Nottingham Forest dan l-istaġun minħabba ksur tar-regoli finanzjarji kienu kontenzjużi bil-kbir, il-pieni – u l-appelli sussegwenti – wasslu għal inċertezza fuq il-klassifika tal- kampjonat, riżentiment mill-partitarji u biżgħa li l-battalja tar-relegazzjoni tista’ tiġi deċiża mid-deċiżjonijiet tal-panel tal-kummissjoni.
Filwaqt li ż-żewġ timijiet fl-aħħar mill-aħħar qagħdu, il-kontroversja dwar ir-regoli dwar il-Profitt u s-Sostenibbiltà (PSR) mhix se tgħaddi.
Leicester City li għadhom kif ġew promossi ġew akkużati li kisru r-regoli tal- infiq meta kienu fl-ogħla livell (u issa qed jieħdu azzjoni legali kontra l-kampjonat), filwaqt li Chelsea wkoll kienu taħt investigazzjoni.
Intant it-team ta’ Pep Guardiola se jilqa’ lil West Ham li ma jistgħux jergħu jkunu fl-Ewropa meta se jispiċċaw fid-disa’ post.
Għas-City se jkun nieqes il-goalkeeper Ederson li weġġa’ kontra Tottenham fost il-ġimgħa fejn anke se jitlef il-finali tal-FA Cup kontra Manchester United.
Anke Arsenal se jkunu f’darhom kontra Everton meta bħalissa jinsabu żewġ punti wara s-City. Iżda jekk dawn jiġu draw u l-Gunners jirbħu allura jkunu dawn li jirbħu t-titlu.
Liverpool se jkunu home wkoll meta l-viżitaturi huma Wolves li dan l-aħħar xejn ma jinsabu għaddejjin minn perjodu feliċi tant li anke fl-aħħar logħba f’darhom sfaw megħluba 3-1 minn Crystal Palace.
Ir-Reds se jkunu f’burdata li jiċċelebraw iż-żmien ta’ Klopp f’Anfield meta fi kważi disa’ snin rebaħ l-unuri kollha u għalhekk iridu jagħlqulu l-episodju tiegħu f’Merseyside fuq nota pjaċvoli.
Aston Villa, ċerti minn post fiċ-Champions League għall-ewwel darba, se jmorru għand it-team fil-forma, Crystal Palace, tant li mill-aħħar sitt logħbiet ħadu ħames rebħiet u draw waqt li l-Villa ma tantx marru tajjeb b’żewġ rebħiet, żewġ draws u żewġ telfiet.
It-team fil-ħames post, Tottenham, se jmorru għand ir-relegati Sheffield United fejn punt ikun biżżejjed għalihom biex ikunu fl-Europa League għalkemm iridu jistennew l-finali tal-FA Cup biex jaraw jekk Manchester United jiħdulhomx posthom.
Mill-aħħar 12-il logħba kombinati bejn il-Blades u Spurs huma dawn tal-aħħar li ħadu l-uniku rebħa bejniethom.
Chelsea, li dan l-aħħar qamu qawma fuq ruħhom mhux ħażin tant li telgħu fis-sitt post, se jiffaċċjaw lil Bournemouth fi Stamford Bridge. Huma se jkunu mingħajr il-captain Reece James li wara li tkeċċa kontra Brighton nhar l-Erbgħa huwa ġie sospiż erba’ logħbiet, waħda minnhom għax kien diġa’ tkeċċa darb’oħra dan l-istaġun.
Brighton ukoll se jkunu home biex jiltaqgħu kontra Manchester United għalkemm dan ma kienx staġun bħal dawk li offrew f’dawn l-aħħar snin. Min-naħa tar-Red Devils huma ma jistgħux itejbu t-tmien post li jinsabu fih.
Newcastle, li ġejjin minn telfa sofferta ta’ 3-2 kontra l-United nhar l-Erbgħa meta ġew imċaħħda minn penalty fuq Anthony Gordon, se jmorru għand Brentford li anke huma naqqsu mil-livell li kienu fih fiż-żewġ staġuni ta’ qabel.
Burnley, li huma diġá relegati, se jilagħbu kontra Nottm Forest f’Turf Moor, fejn irid isir terremot biex jiġu relegati, għalkemm jidhru salvi għal kollox. Biex isir dan Luton iridu jirbħu b’sitt goals u l-Forest jitilfu b’sitt goals ukoll. Kollox jista’ jsir fil-football. Iżda din hija impossibbli!!
Fl-aħħarnett niġu għal Luton kontra Fulham li se jiltaqgħu f’Kenilworth Road bil-forma tagħhom fl-aħħar sitt logħbiet ma kienx fiha x’tagħżel, Luton ħadu rebħa u draw u Fulham rebħa u żewġ draws.
B’hekk se jagħlaq is-siparju tal-Premier League li fl-istaġun li ġej se jilqa’ lura lil Leicester City u Ipswich Town b’Leeds United jiltaqgħu fil-finali tal-Play-off kontra r-rebbieħ bejn Southampton u WBA.