Sunday, November 24, 2024

Premier League Ingliż: Man Utd jospitaw lir-rivali eterni Liverpool

Aqra wkoll

Il-Premier League Ingliż riesaq lejn it-tmiem tiegħu tant li llum u għada se tintlagħab il-31 ġurnata tal-istaġun bil-konfront ta’ għada bejn Manchester United u Liverpool f’Old Trafford ikun l-aktar wieħed mistenni biż-żewġ naħat għandhom għanijiet differenti.

Il-United qed jitħabtu biex itemmu fil-ħames post meta fl-istaġun li ġej il-Premier League se jkollu ħames timijiet jikkompetu fiċ- Champions League. Iżda l-affarijiet m’humiex daqs­tant faċli għalihom.

Dan wara li nhar il-Ħamis kellhom ċans kbir li jersqu lejn Aston Villa u Tottenham wara li kienu dawn tal-aħħar biss li ħadu punt mill-programm ta’ fost il-ġimgħa.

Intant il-United sabu ruħhom 2-0 minn taħt kontra Chelsea u wara li dawru r-riżultat kienu l-Blues li daħku l-aħħar daħka meta skorjaw tnejn oħra fil-ħin miżjud biex ħarġu rebbieħa 4-3.

Min-naħa tagħhom Li­verpool, li xejn ma kellhom prestazzjoni tajba kontra t-team tal-qiegħ, Sheffield United, ġabu kollox fl-ordni fl-aħħar kwarta meta skorjaw żewġ goals mill-isbaħ speċjalment l-ewwel wieħed minn Alexis Mac Allister li b’xutt mib­rum mill-ewwel sab ir-rokna ta’ fuq tax-xibka tal-Blades.

Iċ-champions Manchester City se jmorru għand Crystal Palace li jinsabu tmien punti fuq iż-żona l-ħamra bil-forma tagħhom ta’ dan l-aħħar xejn ma kienet tajba meta wara reb­ħa sofrew żewġ telfiet u ġew draw fit-tnejn l-oħra.

Min-naħa tagħhom is-City ġejjin minn rebħa mpressjonanti ta’ 4-1 kontra Aston Villa minkejja li ħallew bosta players regolari fuq il-bankina fosthom lil Erling Haaland u Kevin De Bruyne. Għalihom għa­mel tajjeb Phil Foden li skor­ja l-ewwel hat-trick tal- karriera tiegħu.

Arsenal jistgħu jiffaċċjaw logħba delikata meta l-lejla jkunu fl-AMEX Stadium biex jiltaqgħu kontra Brigh­ton li jinsabu fi grupp biex jikkwalifikaw għall-Ewro­pa.

Jekk il-Gunners kisbu reb­ħa ta’ 2-0 kontra Luton Town f’darhom, is-Seagulls kienu nvoluti f’logħba tedjanti għand Brentford bid- difiżi taż-żewġ timijiet jagħlqu lil xulxin tant li ċ-ċansijiet ta’ skor kienu remoti.

Aston Villa, li jinsabu fir-raba’ post iridu jirpiljaw mit-telfa msemmija, iżda l-avversarji tagħhom, Brentford, għandhom ikunu għad­­ma iebsa minkejja li nhar l-Erbgħa ġew draw bla goals f’darhom kontra Brigh­ton.

Il-Villans iridu jiksbu post fiċ-Champions League għall-ewwel darba, iżda jridu joqogħdu attenti għat- theddida li tista’ tiġi mill- United minkejja t-telfa dram­matika kontra Chelsea.

Tottenham se jkunu qed jilagħbu home kontra t- team tal-eks manager tagħ­hom, Nuno Espirito Santo, meta jilqgħu lil Nottingham Forest fit-Tottenham Sta­dium, b’dawn jinsabu tliet punti iktar mit-tielet team mill-aħħar wara li nhar it-Tlieta għelbu lil Fulham 3-1 fis-City Ground.

Logħba li għandha miktuba fuqha l-kelma ‘relegazzjoni’ se tara lil Everton jilqgħu lil Burnley f’Goodison Park fejn mill-aħħar ħames logħbiet t-Toffeemen ħadu żewġ punti biss waqt li l-Clarets ħadu sitta.

Iżda jekk illum it-team ta’ Sean Dyche jieħu t-tliet punti jkun għamel pass kbir lejn is-salvazzjoni wa­ra li nhar t-Tlieta ħadu punt kontra Newcastle.

Fulham u Newcastle se jiltaqgħu fi Craven Cottage wara li mill-aħħar ħames logħbiet ħadu seba’ punti kull wieħed bil-Magpies għad jistgħu jerġgħu jkunu fl-Ewropa.

Wolves se jkunu f’Molineux kontra West Ham b’dawn qed igawdu tliet punti vantaġġ fuq l-avversarjui tagħhom. Iż-żewġ timijiet ġejjin minn draws ta’ 1-1, Wolves f’darhom kontra Burnley u l-Hammers f’darhom ukoll kontra Tottenham.

Chelsea, friski – jew għajjenin – wara r-rebħa drammatika kontra Manchester United, se jmorru għand Sheffield United b’dawn ġejjin mit-telfa kontra Liverpool meta ċedew l-armi fl-aħħar kwarta.

Il-Blues ma tilfux logħba mill-aħħar ħamsa li lagħbu fejn ħadu żewġ rebħiet u tliet draws waqt li l-Blades ħadu żewġ draws u sofrew tliet telfiet.

Il-logħba l-oħra fil-programm hija dik bejn Luton u Bournemouth wara li ftit tal-ġimgħat ilu ċ-Cherries rebħu l-logħba ta’ bejniethom b’mod drammatiku meta minn 3-0 minn taħt ħarġu rebbieħa 4-3.

Sport