Tuesday, April 23, 2024

Prevista probabbilità li din is-sena  jkollna temperaturi rekord ta’ sħana

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fl-aħħar snin konna qegħdin nesperjenzaw temperaturi għoljin ta’ sħana u dawn kienu qed idumu għal ammont ta’ ġranet.  Ma’ dan hemm il-fenomenu ta’ temp estrem, u tibdil li qiegħed jinħass sew minn kulħadd. Jekk nieħdu s-sena li għaddiet, hu fatt li kien hemm tnaqqis sew f’dik li  hi xita. Fil-fatt is-sena 2022 ġiet klassifikata bħala l-aktar waħda xotta fl-aħħar għaxar snin f’Malta. Huma diversi dawk  ix-xjenzati li qegħdin ibassru li matul din is-sena, il-mewġiet ta’ sħana mhux se jonqsu imma se jiżdiedu. Jekk nieħdu l-aħħar previżjonijiet tal-Uffiċċju Meteoroloġiku tar-Renju Unit naraw li dawn qed ibassru li din is-sena t-temperaturi ta’ sħana se jkunu rekord. Dan se jkun ifisser, jekk dejjem iseħħ, li s-sena 2023 se tkun l-għaxar sena konsekuttiva li fiha se naraw il-medja globali tat-temperaturi jkunu 1C grad aktar minn kemm kienu qabel ir-rivoluzzjoni industrijali.  Sa issa l-aktar sena sħuna reġistrata minn nofs is-seklu dsatax ‘lhawn kienet is-sena 2016. 

Xjenzati u esperti tat-temp fosthom Prof Adam Scaife mill-Uffiċċju Metoroloġiku tar-Renju Unit fl-aħħar jiem iddikjara li “hemm ċans kbir li l-fenomenu El Nino li jmiss, se jwassal biex it-temperaturi jitilgħu b’xejn inqas minn 1.5 C. Hemm 50 fil-mija ċans li din is-sena it-temperaturi jiżdiedu b’1.5 C grad”.

Jiddikjara li “nafu fiċ-ċert illum li bit-tibdil fil-klima, l-impatt ta’ El Nino se jinħass ferm aktar qawwi u dan iżid l-effetti tal-bidla fil-klima. Meta tpoġġi iż-żewġ affarijiet flimkien, hemm probabbilità kbira li se jkollna mewġiet ta’ sħana qawwijin”.

Jekk nieħdu s-sena 2022, naraw li minn informazzjoni pubblikata  mill-Copernicus Climate Change Service, naraw li s-sena 2022 klassifikat bħala t-tieni l-aktar sena b’temperaturi għoljin fl-Ewropa. Jekk inqabblu it-temperaturi li kien hawn fl-Ewropa ma’ dawk globalment, naraw li t-temperaturi fl-Ewropa kienu il-ħames l-aktar temperaturi għoljin. Filfatt it-temperatura medja fl-Ewropa kienet 0.3 C aktar minn dik reġistrata bejn is-sena 1991 u s-sena 2020.

Is-sena 2022 kienet l-aktar sena sħuna sa mis-sena 1950. Sa issa l-aktar snin b’temperaturi għoljin kienu fis-sena 2014, fis-sena 2015, fis-sena 2019, 2020 u s-sena 2022. 

Ix-xjenzati jirriferu għall-fenomenu El Nino u dan hu assoċjat ma’ ilma sħun li jiżviluppa fil-Paċifiku ċentrali u anke l-barra mill-Paċifiku fl-Amerika t’Isfel. Ma’ dan imbagħad ikollok il-pressjoni għolja tal-arja fil-Paċifiku tal-Punent  u pressjoni baxxa fil-Paċifiku tal-Lvant. Hu kkalkulat li l-fażijiet ta’ El Nino huma magħrufa li jdumu qrib erba’ snin.

Apparti dan ftit xhur ilu diversi xjenzati ikkummentaw fuq li hu nkwetanti li fil-Mediterran mhux biss qed naraw temperaturi aktar għoljin imma qegħdin naraw taħlita ta’ żieda fit-temperatura u nixfiet. Id-Direttur tar-Riċerka għall-Istitut tal-Mediterran għall-Biodiversità, Wolfgang Cramer, kien qal li dan qed jimbotta lir-reġjun lejn il-limiti tas-sostenibbilità tas-sistema agrikola.

Matul is-sena li għaddiet rajna fenomenu ieħor marbut mal-bidla fil-klima. Dan hu dak li anke it-temperaturi tal-baħar qegħdin juru bidliet, tant li fl-aħħar ta’ Lulju, kuntrarju għal dak li kien jiġri qabel, rajna żoni fil-punent tal-baħar Mediterran li esperjenzaw temperaturi għoljin ħafna u li mhux normali li jilħqu dawk il-livelli fl-aħħar ta’ Lulju. 

Dan ovvjament, għandu l-effetti negattivi tiegħu b’mod partikolari fuq il-biodiversità imma mhux biss, għax temperaturi aktar għoljin tal-baħar jistgħu jwasslu għal maltempati kbar.  

Kien ċar dwar dan il-Professur Alan Deidun meta ma’ IT-TORĊA kien tkellem dwar il-fenomenu ta’ temperaturi għoljin fil-baħar fl-aħħar ta’ Lulju li għadda, xi ħaġa li mhix komuni. Hu kien qalilna li “dak li ġara din is-sena hu stramb aktar mis-soltu. Dan għax is-soltu it-temperaturi għoljin jibdew mil-lvant tal-Mediterran. Il-baħar Mediterran, aktar ma timxi lejn il-lvant aktar ikun sħun. Din id-darba ġara li fl-aħħar ta’ Lulju ġew esperjenzati temperaturi għoljin fil-punent tal-baħar Mediterran. Dawn ġew esperjenzati f’Ġenova, Korsika u lejn Franza. Dawn esperjenzaw temperaturi tal-baħar li laħħqu il-31 grad celsius. Huma mhux imdorrijin b’dawn il-temperaturi u dawn jibdew iħallu ċertu effetti  negattivi fosthom fuq il-qroll.  Kien iddikjara li “anki l-baħar f’Malta kellu temperatura li kienet viċin it-30 grad celcius u xi drabi inqabżet ukoll. Issa din li t-temperatura tal-baħar tilħaq it-30 grad celsius u taqbżu ma kinitx tiġri spiss.  Dan l-aħħar ħames snin rajniha tiġri u meta s-soltu ssir f’Awwissu jew Settembru issa rajniha sseħħ fl-aħħar ta’ Lulju.”

Enfasizza li “dan kollu jurik li s-sħana fil-baħar Mediterran qiegħda tiżdied. Trid iżżomm f’rasek li l-baħar Mediterran jassorbi s-sħana tal-arja. Issa qegħdin naraw ukoll fenomenu ieħor u dan hu dak li l-ilma sħun, li jkun fil-wiċċ tal-baħar qed dejjem ikollu saff eħxen. Dan għandu impatt fuq għadd ta’ speċi speċjalment dawk li jkunu imwaħħlin mal-blat. Dawn jibdew jimxu u jfittxu baħar aktar fond. Wieħed irid iżomm f’rasu ukoll li baħar aktar sħun, ikollu impatt fuq għadd ta’ ħut u dan għax f’baħar aktar sħun ikun hemm inqas ossiġnu. Speċi li għandhom bżonn l-ossiġnu jibdew ifittxu aktar fondi fosthom ir-rizzi”.

Wieħed irid jirrimarka li baħar aktar sħun jista’ jwassal ukoll għal maltempati kbar minħabba kurrent kiesaħ mill-punent jew majjistral. Hemm ukoll fenemonu ieħor tropikali u dan għax minħabba li l-baħar qed jisħon aktar qed jiġu speċi aljeni u  dawn qed jiżdiedu.  Dawn issa qed jitkattru sew u ċertu speċi aljeni saru komuni.  Hemm imbagħad speċi aljeni li qed jitkattru b’mod mgħaġġel ħafna u dawn saru invażivi għax qed jaffettwaw speċi indiġeni. Fost dawn hemm speċi ta’ ġranċ li infirex minn Wied il-Għajn tul il-kosta kollha tal-lvant u anke insibuh f’Għawdex.  Li hu żgur illum hu li għandna bidliet konwinwi madwarna. Fid-dinja dejjem kien isir it-tibdil imma issa qed isir b’mod mgħaġġel ħafna.

Irrid nibqgħu insegwu dak li qed isir

Jisħaq li “fiż-żmien li ġej l-impatti se nibdew narawhom u se nibqgħu nesperjenzaw kambjamenti.  Per eżempju anke f’Marzu rajna fenomenu ieħor fejn it-temperatura tal-baħar niżlet aktar mis-soltu u waqgħet taħt il-15-il grad celsius. Irrid inkomplu għaddejjin b’monitoraġġ kontiwnu biex nippruvaw nifhmu l-kambjamenti li qed isiru. Irridu noqogħdu attenti u naraw kif dawn se jaffettwaw il-ħut b’mod partikolari dak il-ħut li jinqabad mis-sajjieda. Irridu naraw dawn it-temperaturi għoljin u l-bidiet li qed iseħħu kif se jaffettwaw ħut li qed ipassi”.

Jibdew kampanji dwar ‘temperatura massima’

Quddiem dan, huma diversi dawk li issa qegħdin jitkellmu fuq il-bżonn li tkun dikjarata temperatura massima b’mod partikolari fejn jidħlu l-postijiet tax-xogħol.

Huma diversi dawk li qed jiddikjaraw li llum hemm evidenza li qed turi b’mod ċar ħafna li l-bidla fil-klima qed twassal biex il-mewġiet ta’ sħana ikunu itwal u aktar qawwija. Mhux hekk biss imma qed ikunu aktar frekwenti u aktar perikolużi. Minħabba dan hemm moviment f’pajjiżi Ewropej li qegħdin jimbuttaw biex ikun temperatura massima aċċettata biex wieħed imur għax-xogħol. Fir-Renju Unit per eżempju saret proposta biex il-gvern  jintroduċi it-temperatura massima ta’ 30C għall-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol.

Sport