Saturday, December 21, 2024

Proġett ieħor f’kullana li se jagħtu iktar spazji miftuħa lin-nies

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir jilqa’ b’sodisfazzjon l-approvazzjoni mill-Awtorità tal-Ippjanar biex madwar 20,000 metru kwadru (20 tumoli) ta’ art f’Wied Inċita, Ħ’Attard, ikunu riġenerati bil-għan li jingħataw għat-tgawdija tal-pubbliku.

“Iktar kmieni din is-sena tajna kelma lin-nies li se naħdmu fuq dan il-proġett, u dak huwa proprju li qegħdin nagħmlu,” qalet il-Ministru Miriam Dalli li enfasizzat li din hija biss l-ewwel fażi ta’ dan il-proġett li se jara wieħed mill-ikbar proġetti ta’ spazji miftuħa.

“Huwa post li għandu potenzjal enormi, iżda li jeħtieġ ħafna xogħol bil-għan li jkun jista’ jilqa’ lill-familji. Determinati li dak ix-xogħol inwettquh kif għamilna u qegħdin nagħmlu fi bnadi oħra tal-pajjiż. Dan il-Ministeru u l-Gvern se jkomplu jpoġġu fiċ-ċentru tal-ħidma tagħhom proġetti li jagħtu iktar spazju lin-nies,” żiedet tgħid il-Ministru Dalli li enfasizzat l-importanza tat-tħawwil ta’ siġar bħala parti minn dan il-proġett. Dan il-proġett se jkun qed isir minn Ambjent Malta.

“Għaddejjin b’inizjattivi kontinwi ta’ tħawwil ta’ siġar. F’din l-ewwel parti biss se nkunu qed inħawlu mas-700 siġra,” żiedet il-Ministru Dalli.

Il-proġett jinkludi wkoll restawr ta’ ħitan tas-sejjieħ, it-tneħħija ta’ materjal bħal konkos biex minfloku jsir materjal iktar sostenibbli, u miżuri li jżidu s-sigurtà għal dawk li jużaw il-post.

Id-Direttur Ġenerali ta’ Ambjent Malta, Herman Galea, tenna li Ambjent Malta hija impenjata li twassal dan il-proġett ta’ riġenerazzjoni. Ix-xogħol se jkun qiegħed jiffoka fuq l-ewwel fażi sabiex il-familji jkunu jistgħu jibdew igawdu minn dan l-ispazju fl-iqsar żmien possibbli.

“Biex dan l-ispazju aħdar jkun aktar aċċessibbli, se nkunu qed inwaħħlu tagħmir bħal picnic benches u gazebos sabiex jitgawdew mill-viżitaturi. Ambjent Malta se tkun qed tiżviluppa community garden biex aktar komunitajiet ikunu jistgħu jżuruh u jagħmlu użu minnu,” spjega s-Sur Galea.

Ekonomija

Sport