Sunday, November 24, 2024

Proġett li jlaqqa’ t-tfal mal-anzjani li jattendu ċ-Ċentri għall-Anzjanità Attiva

Aqra wkoll

Timeless Tales: A Theatre Project huwa proġett li qed ilaqqa’ flimkien tfal fl-età ta’ bejn it-8 snin u l-15-il sena, kif ukoll anzjani li jattendu ċ-Ċentri għall-Anzjanità Attiva. Bħala parti minn dan il-proġett li beda fl-ewwel ta’ Lulju, kull nhar ta’ Tnejn bejn id-9.30 a.m. u n-12.30 p.m. fil-Librerija Pubblika Ċentrali qed jittellgħu sessjonijiet marbuta mat-teatru bis-sehem tal-parteċipanti kollha li applikaw biex ikunu parti mill-proġett. Dawn is-sessjonijiet qed jitmexxew minn esperti tat-teatru u qed jitrattaw temi varji marbuta mat-teatru fosthom il-kitba tal-iscripts, ir-reċtar u l-iżfin.

L-ewwel sessjoni saret it-Tnejn l-1 ta’ Lulju u kienet titratta t-tema ‘How to brainstorm and write a script’. Is-sessjonijiet se jibqgħu għaddejjin sat-Tnejn 5 ta’ Awwissu. Fl-aħħar sessjoni ser titella’ produzzjoni teatrali bil-parteċipazzjoni tat-tfal u l-anzjani kollha li qed jieħdu sehem fil-proġett. Il-produzzjoni ser tkun miftuħa għall-pubbliku u se ssir it-Tnejn 5 ta’ Awwissu fil-Librerija Pubblika Ċentrali.

L-għan aħħari tal-proġett Timeless Tales: A Theatre Project huwa li jagħti lok biex tinħoloq aktar diversità u inklużjoni. B’dan il-mod it-tfal u l-anzjani, filwaqt li jaqsmu l-ħsibijiet u l-ideat tagħhom flimkien, ikollhom ukoll iċ-ċans li jaħdmu flimkien għall-ġid tal-komunità.

Timeless Tales: A Theatre Project qed jiġi organizzat minn Malta Libraries bl-għajnuna tad-Direttorat għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità. Il-proġett qed jiġi ffinanzjat minn APS bank.

Sadanittant, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Malcolm Paul Agius Galea żaru dan il-proġett fejn setgħu jaraw dak li kien qed iseħħ waqt waħda mis-sessjonijiet.

Sport