Il-Ministru għall-Enerġija u l-Ambjent Miriam Dalli żaret solar farm żviluppata minn Melita b’investiment ta’ €2.56 miljun f’sit li qabel kien iservi ta’ barriera, li ġie ffinanzjat kollu kemm hu minn investiment privat, filwaqt li bbenefika mill-iskema tal-Invitation to Bid (ITB) maħruġa mir-REWS. Din l-iskema tippermetti li proġetti ta’ enerġija rinnovabbli jiksbu rata vantaġġuża għall-elettriku li jesportaw lejn il-grid nazzjonali.
Il-Ministru kienet akkumpanjata mill-Kap Eżekuttiv ta’ Melita, Harald Roesch, u minn Kevin Borg, Kap tal-Operazzjonijiet mal-Klijenti u l-Implimentazzjoni tal-Intelliġenza Artifiċjali. Is-solar farm li jinsab fl-Imqabba jikkumplimenta żewġ solar farms oħra iżgħar tal-istess kumpanija. L-elettriku kollu ġġenerat minn dan is-solar farm qed jiġi esportat direttament lejn il-grid nazzjonali.
Il-Ministru Miriam Dalli ħeġġet aktar kumpaniji biex jimxu fuq l-eżempju ta’ Melita u jinvestu fi proġetti simili, sabiex Malta tkompli ssaħħaħ il-qasam tal-enerġija rinnovabbli. “Dawn huma proġetti li bħala pajjiż aħna ninkoraġixxu. Irridu nkomplu nħajru kumpaniji bħal Melita, biex ikomplu jżidu l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija nadifa. Proġetti bħal dawn huma eżempji ta’ kif investiment f’enerġija nadifa jirrendi. Din hija t-triq ’il quddiem u nħeġġeġ aktar kumpaniji biex jimxu f’din id- direzzjoni,” qalet il-Ministru Dalli.
Melita qed tipproduċi enerġija rinnovabbli ekwivalenti għal aktar minn 40% tal-elettriku li tikkonsma fuq bażi annwali. Il-kumpanija qed taħdem fuq proġetti oħra bl-għan aħħari tagħha li tilħaq produzzjoni ta’ enerġija rinnovabbli li tkopri 100% tal-konsum tal-elettriku tagħha.
