Attivisti favur id-drittijiet tal-annimali pprotestaw kontra li jerġa’ jibda l-ġlied bil-barrin f’Mexico City. Ġie rrapportat li f’din il-belt saret l-ewwel ġlieda ta’ din ix-xorta mill-2022.
Imħallef kien ordna s-sospensjoni għal żmien indefinit ta’ din il-prattika – li tmur lura għas-Seklu 16 fil-Messiku – wara li qabel mal-argumenti tal-attivisti li kienu fetħu l-kawża.
Il-Qorti Suprema rrevokat id-deċiżjoni x-xahar li għadda, iżda x’aktarx se tkompli l-“battalja legali” bejn dawk li huma favur u l-oħrajn kontra din il-prattika. Il-midja lokali rrapportat li l-imħallfin iddeċidew biss fuq aspetti tekniċi u għad iridu jiddeċiedu dwar il-merti tal-każ.
“It-tortura mhix arti, mhix kultura,” saħqu d-dimostranti li niżlu jipprotestaw qrib l-arena tal-barrin fi Plaza de México, li hija wkoll l-akbar arena tal-ġlied tal-barrin fid-dinja.
Sadanittant, il-President Andrés Manuel López Obrador ippropona referendum dwar il-futur tal-ġlied bil-barrin f’Mexico City.