Monday, May 13, 2024

Qabża kbira fin-numru ta’ Maltin li qasmu l-fliegu

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Maltin għadhom ifittxu lil Għawdex u mistenni sajf movimentat

L-ammont ta’ residenti Maltin li qasmu l-fliegu s-sena li għaddiet kien kważi jlaħħaq it-350,000. Wieħed ma jridx jinsa li matul dawn it-12-il xahar kien hemm ukoll perjodu ta’ ġimgħat fejn l-ivvjaġġar bejn iż-żewġ gżejjer kien projbit bħala miżura biex tilqa’ għat-tixrid tal-virus tal-Covid-19.

Dan l-istess ammont ifisser qabża sostanzjali fuq is-sena ta’ qabel meta l-persuni li marru Għawdex u kif ukoll Kemmuna kien ta’ ftit aktar minn 215,000 filwaqt li fl-2018 qasmu bejn iż-żewġ gżejjer 227,121.

Mill-ammont totali ta’ Maltin li marru Għawdex is-sena l-oħra, 287,495 kienu għal skop ta’ vaganza, bl-akbar għadd minnhom kienu fl-età ta’ bejn il-25 u l-44 sena.

Kien hemm ukoll 54,590 li żaru l-qraba jew ħbieb tagħhom filwaqt li 18,000 oħra kienu għal skop ta’ negozju, edukazzjoni jew għal attivitajiet reliġjużi. Fl-istess perjodu s-sena li għaddiet, l-ammont ta’ Għawdxin li ġew Malta kien ta’ kważi 12,000. 

Dan joħroġ minn statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) dwar it-turiżmu reġjonali għas-snin 2018, 2019 u 2020. Mill-istatistika joħroġ illi fl-2020, l-ammont totali ta’ turisti kif ukoll Maltin li żaru Għawdex kien 388,213. 

Minkejja li kienet sena ta’ pandemija, 40,000 turist barrani żaru Għawdex. Min-naħa l-oħra, l-ammont ta’ turisti kif ukoll Għawdxin li żaru Malta kien dak ta’ 637,907.

L-istatistika turi wkoll li kien hemm żieda ta’ 40.7% fl-ammont ta’ Maltin li qagħdu f’akkomodazzjoni mikrija f’Għawdex u Kemmuna (206,782). Dan filwaqt li l-infiq f’dan ir-reġjun kien stmat li jlaħħaq is-€57.8 miljun, li jfisser żieda ta’ 61.2% meta mqabbel mal-2019. 

Matul is-sena li għaddiet, it-total ta’ turisti li żaru Malta naqsu b’76.1% biex laħħqu is-658,567 turist u t-total ta’ ljieli li dawn qattgħu f’pajjiżna kien jaqbeż il-5.2 miljun lejl, tnaqqis ta’ 73% fuq l-2019. L-infiq mit-turisti f’Malta kien ilaħħaq l-€455.1 miljun, li jfisser tnaqqis ta’ 79.5% meta mqabbel mas-sena 2019.

“Ċifri li jirriflettu dak li ħsibna… li s-suq domestiku jista’ jtaffi l-effetti tal-pandemija fuq il-gżira Għawdxija”

B’reazzjoni għall-istatistika tal-NSO, il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu Joe Muscat qal lil L-Orizzont li ċ-ċifri jirriflettu dak li bħala Assoċjazzjoni kienu qed jaħsbu, illi s-suq domestiku jista’ jtaffi u jimmitiga l-effetti tal-pandemija fuq il-gżira Għawdxija.

“L-istatistika li ħarġet ilum tirrifletti dan fejn għalkemm kellna nuqqas ta’ turiżmu barrani għal diversi raġunijiet, fosthom għamilna perjodu bl-ajruport magħluq, dan irriżulta li mbagħad kellna Maltin li ħadu l-vaganza tagħhom fil-gżira Għawdxija.”

“Rajna wkoll qabża kbira fin-numru ta’ Maltin li ġew f’Għawdex kemm f’dawk li huma wasliet kif ukoll total ta’ ljieli. Dan ifisser li t-turiżmu f’Għawdex għalkemm kellu effetti qawwija bħal Malta minħabba l-pandemija, ikkumpensa bil-Malti sa ċertu punt.

“Wieħed irid jippreċiża li meta qed nitkellmu fuq żieda ta’ Maltin li jiġu joqogħdu f’Għawdex, ma rridux ninsew ukoll illi meta jiġu hawn ġeneralment qed nitkellmu fuq żewġt iljieli, filwaqt li l-barranin ġeneralment iqattgħu bejn ħames u sebat iljieli,” spjega Muscat.

Huwa tenna illi l-fatt jibqa’ illi l-Maltin għażlu lil Għawdex bħala d-destinazzjoni għall-vaganza tagħhom is-sena l-oħra. “Qed nesperjenzaw li għalkemm il-pandemija ħadet xejra differenti, issa li għandna l-vaċċin, xorta jidher li għad baqa’ ċertu xettiċiżmu dwar jekk dak li jkun iħossux komdu jieħu vaganza barra minn xtutna u hemm qed naraw li l-Maltin ifittxu wkoll lil Għawdex. Dawn l-aħħar weekends urew proprju dan.”

Mistoqsi dwar il-prospetti għall-gżira Għawdxija għal din is-sena, Muscat qal li l-kanċellamenti li kellhom isiru minħabba r-restrizzjonijiet li tħabbru dan l-aħħar saru, però, bil-mod il-mod qed nesperjenzaw turiżmu li ġej taħt il-kriterji li stabbilixxiet is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika fejn qed naraw il-Malti, li aktar ma nidħlu fis-sajf, qiegħed iżid il-frekwenza tiegħu f’Għawdex.

“Qed naraw li dan is-sajf se jkun xi ftit jew wisq movimentat, taħlita ta’ barranin u Maltin, u dan jawgura għal irkupru bil-mod. Jalla meta nidħlu għax-xhur tax-xitwa, il-pandemija tkun f’sitwazzjoni fejn inkunu qed nikkontrollawha u nkomplu b’dan il-mod, jidħol l-influss tal-barranin u nissuplimentawh bis-suq lokali, sabiex noħorġu minn din is-sitwazzjoni li mhi xejn feliċi u s-settur turistiku f’Għawdex għalkemm sostnut minn dak Malti kellu u għad għandu diffikultajiet tiegħu fosthom in-nuqqas ta’ ħaddiema f’dan is-settur.”

Sport