Monday, May 13, 2024

Allokati numri ta’ rimjiet tal-lampuki għas-sajjieda dilettanti

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo ħabbar inizjattiva fejn is-sajjieda dilettanti ser ikunu allokati numru ta’ rimjiet u ċimi tal-lampuki madwar il-kosta ta’ Malta u Għawdex.

Din l-inizjattiva saret wara konsultazzjoni wiesgħa mal-istakeholders kollha fis-settur kif wkoll wara li saret laqgħa għall-għaqdiet kollha tas-sajd li fiha ġew diskussi l-proposti mressqa u ntlaħaq ftehim biex is-sajjieda dilettanti jkollhom ir-rimjiet u ċ-ċimi tal-lampuki. Kull sajjied, kemm kummercjali kif ukoll dilettant, jistenna l-istaġun tal-lampuki li jiftaħ fil-15 ta’ Awwissu u jkompli sal-aħħar ta’ Diċembru. 

Il-Ministru Anton Refalo qal li snin ilu s-sajjieda dilettanti kienu jgawdu minn awtorizzazzjoni sabiex huma wkoll ikunu jistgħu jitfgħu xi ċimi tal-lampuki matul il-kosta ta’ Malta u Għawdex. Id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura jinsab konxju mill-entużjażmu u x-xewqa tas-sajjieda dilettanti biex ikollhom l-opportunità li joħorġu jistadu għal-lampuki. Għalhekk nieda programm ta’ konsultazzjoni ma’ diversi entitajiet involuti sabiex jesplora l-possibilità li l-għaqdiet tas-sajjieda dilettanti jkollhom ukoll rimjiet taċ-ċimi għal-lampuki.

Din is-sena ser jiġi varat proġett pilota sabiex id-dilettanti tas-sajd Maltin u Għawdxin ikunu jistgħu joħorġu jrejxu għal-lampuki fuq iċ-ċimi tagħhom. 

Il-proposti prinċipali li ġew aċċettati kienu dawn:

Il-Federazzjoni u l-għaqdiet tas-sajjieda dilettanti jingħataw spazju għar-rimi ta’ tliet rimjiet, tnejn mal-kosta tal-Lvant ta’ Malta u waħda mal-kosta tal-Punent.

Kull rimja tad-dilettanti ma jistax ikollha aktar minn tletin ċima.

Kull ċima jrid ikollha numru li jidentifika mal-għaqda responsabbli. Dan in-numru jinħareġ mid-Dipartiment tas-Sajd.

Għal dawk il-bastimenti ta’ sajd rikreattiv li ma jistgħux jitbiegħdu mill-kosta Maltija, jiġu identifikati siti fil-baħar tliet mili nawtici ’l barra mill-kosta quddiem il-lokalità tal-Għaqda fejn jistgħu jintremew sa tliet ċimi għal kull bastiment.  Kull ċima trid tkun immarkata bin-numru tal-bastiment tas-sajjied rikreattiv.

Il-lampuki jista’ jinqabad biss permezz tas-sajd bir-rixa.  L-ebda rkaptu tas-sajd ieħor ma jista’ jintuża.

Kull għaqda u/jew individwu jrid japplika għal permess fuq il-FishApp tad-Dipartiment tas-Sajd.

Kull individwu jew għaqda jridu jirrapurtaw il-qabda tal-lampuki lid-Dipartiment tas-Sajd.

Il-qabda tal-lampuki mid-dilettanti tas-sajd ma tistax tiġi kkummerċjalizzata.

Meta jagħlaq l-istaġun, l-għaqdiet u d-dilettanti tas-sajd iridu jiżguraw li jinġabru ċ-ċimi kollha li jkunu ntefgħu għall-użu tad-dilettanti tas-sajd.

Sport