L-Avukat Peter Caruana Galizia qal fil-Qorti li huwa qatt ma ra b’għajnejh dokumenti li fuq il-bażi tagħhom il-mara tiegħu ħarġet l-allegazzjonijiet dwar il-kumpanija Egrant u li inkjesta indipendenti Maġisterjali kkonkludiet li kienu foloz. Caruana Galizia kien qiegħed jixhed waqt kawża ta’ libell miftuħa mill-eks Prim Ministru Joseph Muscat kontra l-familja Caruana Galizia.
Mistoqsi mill-Avukat Pawlu Lia li qed jidher għal Dr Muscat, dwar jekk meta f’affidavit ippreżentat minnu, huwa jsemmi dik li l-mara tiegħu ddeskrivietlu bħala informazzjoni soda, kienx qed jinkludi lil Maria Efimova, l-Avukat Caruana Galizia wieġeb li jaħseb li Efimova kienet waħda minn din l-informazzjoni. Qal li jaf li Daphne Caruana Galizia kellha numru ta’ laqgħat ma’ Efimova iżda mhux fil-preżenza tiegħu.
Efimova li kienet ippreżentata bħala s-sors ewlieni tal-allegazzjonijiet li saru minn Daphne Caruana Galizia, ilha issa tmien snin maħruba minn Malta u fil-konfront tagħha jeżisti mandat ta’ arrest internazzjonali fuq ordni tal-Qorti, wara li qed tkun akkużata fost oħrajn li ħalfet falz quddiem l-Inkjesta Maġisterjali dwar Egrant.
Mistoqsi jekk jafx li fl-inkjesta, Efimova tat verżjoni kuntrastanti ma’ dik ta’ Daphne Caruana Galizia, xi ħaġa li kien ikkummenta dwar il-Maġistrat li mexxa l-istess inkjesta, l-avukat Peter Caruana Galizia wieġeb li huwa ma qarax l-inkjesta u ma jiftakarx. Żied illi li jiftakar huwa li l-inkjesta sabet li Egrant mhiex ta’ Michelle Muscat iżda ta’ xi ħadd ieħor.
Meta fi tmiem is-seduta l-Maġistrat Victor Axiaq tkellem mal-Avukat Lia u mal-Avukat Joe Zammit Maempel dwar kawża oħra ta’ libell li l-eks Prim Ministru kien fetaħ fil-konfront ta’ Mario Frendo, meta dan kien jaħdem ma’ Net News, ukoll b’rabta ma’ Egrant, l-Avukat Zammit Maempel qal li Frendo emigra u huwa tilef kull kuntatt miegħu.

