Tuesday, April 14, 2026

“Se nibdew taħditiet mal-operaturi biex il-priority pass titwettaq”

Aqra wkoll

“Se nkunu qegħdin nibdew taħditiet mal-operaturi tal-fast ferry biex il-priority pass titwettaq.” Dan ħabbru l-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri meta mitlub jikkummenta dwar it-talba li għamlet iż-żagħżugħa Għawdxija Sarah Schembri waqt l-intervent li għamlet fil-bidu tal-Kungress imtella’ mill-Partit Laburista f’Għawdex nhar il-Ħadd li għadda.

Sarah fl-intervent tagħha qalet li tħobb li l-Għawdxin, studenti u ħaddiema għandhom ikollhom pass speċjali biex jużaw il-fast ferry minħabba li qegħdin isibu kjus twal meta jiġu biex jirritornaw lura lejn id-dar.

Il-Ministru Camilleri filwaqt li faħħar ħafna d-diskors li għamlet Sarah waqt il-Kungress qal li l-proposta tagħha hija waħda importanti ħafna u “rridu naraw kif se tinħadem mal-operaturi tal-fast ferry.” 

Il-Ministru qal li d-Deputat Prim Ministru Ian Borg għamel kuntatt ma’ Sarah b’mod immedjat immedjat u anke kkummenta dwar din il-proposta.

Qalilna li s-servizz tal-fast ferry “li ħaddieħor ried iwaqqaf” sar servizz mhux biss popolari iżda essenzjali bħala trasport bejn il-gżejjer. “Mhux biss hu essenzjali, iżda llum il-ġurnata tant kemm sar popolari li mhux qiegħed ilaħħaq mad-domana li hemm bħala passiġġieri,” stqarr il-Ministru Camilleri.

Dwar il-proposta ta’ kif tista’ titwettaq, il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar qalilna li hemm żewġ sezzjonijiet ta’ persuni li jużaw dan is-servizz… “Hemm l-istudenti u ħaddiema li jaqsmu lejn Malta u lura lejn Għawdex b’dan is-servizz… Data tal-istudenti għadna kollha minħabba fost l-oħrajn li bħala Ministru nagħtu sussidju ta’ 280 ewro… Allura l-priority pass għal istudenti meta nilħqu ftehim mal-operaturi tkun tista’ tidħol fis-seħħ,” qalilna l-Ministru Camilleri.

Min-naħa l-oħra dwar il-ħaddiema Għawdxin li jaħdmu Malta l-Ministru spjega li din għandha tkun offruta kemm għall-ħaddiema li jaħdmu mal-Gvern u anke dawk li jaħdmu mal-privat. 

“Allura għal din is-sezzjoni ta’ persuni li jużaw il-fast ferry, tista’ tkun aktar kumplessa minħabba li jkunu jridu jsiru xi verifiki… Qegħdin naħsbu li fil-ġimgħat u xhur li ġejjin tinfetaħ espressjoni ta’ interess għall-ħaddiema kollha Għawdxin li jaħdmu Malta biex min irid ikun jista’ japplika għal priority pass,” tenna magħna l-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri filwaqt li reġa’ sostna li din il-proposta l-Gvern hu kommess li jwettaqha.

Intant, dan il-ġurnal għamel kuntatt ukoll ma’ Sarah Schembri, it-tfajla Għawdxija li kienet hi li waqt l-Kungress tal-Partit Laburista f’Għawdex tkellmet dwar din il-problema li qegħdin isibu ma’ wiċċhom l-Għawdxin. 

Sarah tgħidilna li fl-aħħar sigħat irċiviet mijiet kbar ta’ messaġġ. “Kien hemm persuni li kellmuni u bagħtu messaġġi li jgħidulek li ‘aħna ma naqblux politikament, iżda fuq din se nappoġġjawk.’”

It-tfajla Għawdxija tgħidilna li apprezzat ferm li ftit tal-ħin wara li ntemm il-Kungress irċeviet telefonata mingħand id-Deputat Prim Ministru Ian Borg fejn tkellem magħha aktar fid-dettall dwar dak li qalet. “Kien hemm oħrajn li kellmuni fosthom il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u anke Dr Josianne Cutajar, fost ħafna.“ Anke d-Deputat Mexxej Alex Agius Saliba għamel kuntatt miegħi u ġenwinament napprezza ferm li dawn in-nies kollha għamlu kuntatt miegħi. Li qasmu minuta biex komplew jagħmluli kuraġġ u jikkonfermawli kemm il-proposta verament jaf tħalli ġid,” qaltilna Sarah.

Fiduċjuża li dak li qalet jista’ jsir fil-verità biex b’hekk titnaqqas it-tbatija tal-Għawdxin li jkunu sejrin lura d-dar wara ġurnata xogħol jew studju.

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport