L-attività Pet Day li saret fil-Ġnien ta’ Hastings fil-Belt Valletta kienet ta` suċċess kbir u ntlaqgħet b’entużjażmu sabiħ minn numru kbir ta’ familji li attendew flimkien mal-annimali domestiċi tagħhom propju fil-ġurnata iddedikata lil annimali. Tul il-jum, il-ġnien inbidel f’ambjent mimli ħajja, divertiment u sens qawwi ta’ komunità, fejn tfal, familji, anzjani u sidien ta’ annimali setgħu jqattgħu ħin ta’ kwalità flimkien.
Waħda mill-aktar kisbiet notevoli ta’ din l-attività kienet li matul sitt sigħat inġabru 345 annimal domestiku f’post wieħed, ċifra li tat importanza speċjali lil din il-ġurnata biex b`hekk intlaħaq rekord nazzjonali ieħor ghal Belt Kapitali. Dan ir-rekord nazzjonali ġdid mill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, immexxi mis-Sindku Olaf McKay, flimkien mas-Segretarjat għad-Drittijiet tal-Annimali taħt ir-responsabbiltà tal-Onorevoli Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said.
L-attività offriet programm varjat ta’ divertiment għat-tfal, rigali, u diversi mumenti sbieħ li komplew jagħtu valur lil din l-inizjattiva. Kienet ġurnata li laqqgħet flimkien nies ta’ kull età, filwaqt li tat spazju sabiħ biex l-annimali domestiċi wkoll ikunu parti minn esperjenza pożittiva u inklussiva fil-qalba tal-komunità.
Is-Sindku tal-Belt Kapitali Olaf McKay qal : “Attivitajiet bħal Pet Day huma importanti ħafna għaliex mhux biss joħolqu okkażjoni ta’ divertiment għall-familji, iżda jgħinu wkoll biex jissaħħu r-rabtiet soċjali u l-għaqda fil-komunità. Fl-istess ħin, dawn l-inizjattivi jkomplu jxerrdu aktar għarfien dwar ir-rispett, il-kura u l-benesseri tal-annimali fis-soċjetà tagħna.”

