Kull familja f’Malta u Għawdex se tingħata manwal ta’ emerġenza u fire blanket f’inizjattiva nazzjonali li tpoġġi l-prevenzjoni fil-qalba tas-sigurtà nazzjonali u tirrifletti l-impenn tal-Gvern li jinvesti fil-familji Maltin u Għawdxin, billi jipprovdilhom l-għodod meħtieġa sabiex ikunu aktar infurmati, preparati u lesti jaffaċċjaw sitwazzjonijiet ta’ emerġenza.
Il-manwal ta’ emerġenza huwa gwida prattika li tinkludi informazzjoni dwar il-prevenzjoni tan-nirien, l-ewwel għajnuna u kif wieħed għandu jaġixxi f’każ ta’ emerġenzi, inklużi dawk naturali. Fl-istess waqt, kull familja se tirċievi fire blanket bħala strument essenzjali għas-sigurtà fid-dar.
Sabiex jiġi żgurat tqassim effiċjenti, ser jitħaddem programm mifrux fuq il-lokalitajiet kollha, fejn fire engines tal-Protezzjoni Ċivili ser ikunu preżenti sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jiġbru l-fire blanket tagħhom, filwaqt li l-fire stations ser jinfetħu f’ħinijiet dedikati għall-pubbliku.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri qal li: “ċittadini infurmati, preparati u siguri. Dawn l-erba’ kelmiet jiġbru l-għan ta’ dak li qed inħabbru llum.” Huwa tenna li l-Gvern jemmen fil-prevenzjoni: “Il-Malti jgħid bniedem avżat nofsu armat. Aħna qeghdin mhux biss navżaw iżda wkoll noffru l-għodda għall-prevenzjoni. Aħna nemmnu fil-prevenzjoni għax inċident evitat dejjem aħjar minn inċident solvut. Illum mhux biss qed nagħmlu appell, iżda qed nagħtu wkoll l-għodda lil kull familja biex tkun aktar preparata.”
Min-naħa tiegħu, id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili Peter Paul Coleiro spjega li: “Il-ktieb li ser tirċievu huwa mmirat li jkun prattiku, ċar u faċli biex jintuża. Huwa hemm biex jgħinek tifhem x’teħtieġ tagħmel qabel, matul u wara tipi differenti ta’ emerġenzi, sabiex tkun tista’ tipproteġi lilek innifsek, lill-familja tiegħek u lil dawk ta’ madwarek. Fih qed nintroduċu wkoll il-kunċett ta’ emergency bag — borża ħafifa għall-emerġenzi li tista’ tinżamm lesta ħdejn il-bieb. Din tista’ tinkludi oġġetti essenzjali li jista’ jkollok bżonn jekk ikollok toħroġ mid-dar malajr, bħalma huma mediċini bażiċi, torch, ilma, dokumenti importanti u affarijiet oħra meħtieġa għall-familja tiegħek.”

