Sunday, November 24, 2024

“Qed nippjanaw li nerġgħu ngħollu l-istipendji għal kulħadd”

- il-Prim Ministru Robert Abela waqt iċ-ċelebrazzjoni ta’ Jum il-Ħelsien fil-Birgu

Aqra wkoll

“Fis-settur tal-edukazzjoni, jiggwidana l-prinċipju tal-opportunitajiet indaqs għal kulħadd. Iż-żgħażagħ li jintilfu mis-sistema edukattiva qiegħed dejjem jonqos iżda għad baqa’. Li jinkwetani huwa li dawn jitilfu futur aħjar għalihom. Fl-istess ħin imbagħad l-ekonomija tagħna qed toħloq impjiegi ta’ kwalità li min iħaddem mhux isib biżżejjed ħaddiema. Huwa għalhekk li nista’ nħabbar li qed nippjanaw biex nerġgħu ngħollu l-istipendji għal kulħadd. Iżda fuq quddiem, għall-istudenti li jagħżlu karrieri li l-ekonomija tagħna l-aktar li għandha bżonn.”

Sostna dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela f’diskors li għamel waqt iċ-ċelebrazzjoni ta’ Jum il-Ħelsien fil-Birgu fejn qal li l-edukazzjoni u l-opportunitajiet indaqs huma wkoll parti mill-ġrajja tal-Ħelsien.

Huwa beda biex qal li l-ġrajja ta’ 44 sena ilu meta telaq l-aħħar bastiment Ingliż minn Malta u telgħet il-bajda u ħamra tperper fuq l-għolja tal-ħelsien għadha rilevanti llum daqskemm kienet dakinhar.

Qal li Malta hija storja ta’ suċċess għax dejjem imxiet ‘il quddiem u għax kellha mexxejja li ħabbewha. Qal ukoll li t-tagħlima li nieħdu minn Malta Ħielsa hi li rridu nkunu kuraġġużi biex immexxu dan il-ġens ‘il quddiem, li f’mument ta’ sfida dejjem joħroġ l-aqwa tiegħu.

Dr Abela tenna li dan il-moviment Laburista li kiseb il-ħelsien għal pajjiżna dejjem tmexxa mill-prinċipji tiegħu. “Prinċipji li ngħixuhom ta’ kuljum u tajjeb infakkruhom bħala Laburisti, Soċjalisti u soċjal-demokratiċi,” qal il-Prim Ministru.

Huwa nsista li rridu nibqgħu nkunu aħna l-aġenti u l-katalisti tal-bidla fejn naħdmu biex kulħadd, jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu. “Dak huwa l-moviment tagħna. Il-moviment tal-ħaddiema, li ta’ kuljum jieħu ħsieb lill-ħaddiem u lil min iħadem, fid-deċiżjonijiet kollha li nieħdu ta’ kuljum, li fl-1 ta’ Mejju jiltaqa’ fil-Belt Kapitali biex jiċċelebra bi kburija Jum il-Ħaddiem.”

“Dejjem kont, għadni u se nibqa’ mal-poplu”
Il-Prim Ministru qal ukoll li f’dawn il-jiem qed infakkru r-rebħa elettorali ta’ sena ilu, l-10 snin ta’ Gvern Laburista, u l-ħafna kisbiet li għamilna flimkien. Tenna li l-poplu sena ilu reġa’ silef lil dan il-Gvern mandat ieħor. Il-poplu għażel dan il-Gvern għax dejjem żamm kelmtu magħhom u ma jħalli qatt l-arroganza tegħlbu. Kien hawn fejn qal li huwa dejjem kien, għadu u jibqa’ mal-poplu fl-istess waqt li se jkompli jisħaq fuq l-umiltà.

Qal li l-poplu għażel manifest elettorali li warajh hemm ħsieb ewlieni li ma’ kull wegħda mwettqa, qed ikun attwat il-prinċipju ewlieni – li ma nħallu lil ħadd jaqa’ lura, fejn l-aħna akbar mill-jiena.

Kompla jgħid li l-ħelsien inkiseb għall-Għawdxin u l-Maltin kollha. Inkiseb għax il-mexxejja ta’ qabilna kellhom fiduċja fil-poplu tagħna u f’pajjiżna bħalma dan il-Gvern għandu wkoll dik l-istess fiduċja.

Insista li huwa dan li jagħmilhom differenti mill-Partit Nazzjonalista, kemm dawk li qed imexxu lill-PN bħalissa u anke dawk li qed jistennew il-mantell jaqa’ fuq spallejhom. “Iridu jirbħu biss biex ikollhom il-poter,” qal il-Prim Ministru.

“Aħna ma nitkellmux fuq poter iżda fuq il-fiduċja”
“Aħna ma mmexxux dan il-pajjiż biex ikollna l-poter f’idejna. Dan il-moviment imexxi għax irid iwettaq il-ġid u jikseb il-ġustizzja soċjali ma’ kulħadd. Aħna moviment b’ruħ soċjali. Għax kif għallimna Dom Mintoff biex tmexxi lil pajjiżek trid tkun tħobbu,” żied jgħid il-Prim Ministru.

“Ħaddieħor is-saħħa tiegħu u tagħha ġewwa Brussell jużawhom biex idgħajfu u mhux biex issaħħu lil Malta għax il-poter kollox għalihom u mhux l-interess nazzjonali. Meta reġgħu għamlu dan l-attakk l-Erbgħa u l-Ħamis, spiċċaw waħedhom għax kulħadd jaf kemm huma kbar ir-riformi li għamilna u li għad fadallu jagħmel pajjiżna. Aħna ma nitkellmux fuq il-poter, iżda nitkellmu fuq il-fiduċja. Huwa biss dan il-moviment li għandu l-ideat u l-enerġija biex iwettaq il-futur.”

“Mhu se naqta’ qalbi qatt quddiem l-isfidi”
Il-Prim Ministru qal ukoll li dan il-Gvern żamm il-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils baxxi anke kontra l-kurrenti internazzjonali. Hawn enfasizza li mhu se jaqta’ qalbu qatt quddiem l-isfidi għax huwa l-Mexxej tal-PL u l-istess għamlu dawk kollha li ġew qablu – ma qatgħu qalbhom qatt.

Qal li lill-pensjonanti tawhom l-akbar żieda fil-budget u se jkunu qed jingħataw iżjed, filwaqt li l-first time buyers se jkunu qegħdin igawdi minn għotja ta’ €1,000 għal 10 snin. Appartit hekk, qal li se jkompli jiżdied iċ-children’s allowance.

Dwar l-edukazzjoni informali, il-Prim Ministru ħabbar ukoll li dalwaqt se titwettaq wegħda elettorali oħra li jingħata tax rebate ta’ €300 kull sena lill-ġenituri li jibagħtu lil uliedhom għal attivitajiet sportivi, artistiċi jew kulturali.

Qal ukoll li fl-edukazzjoni fadal xi jsir u jrid jara aktar enfasi fuq l-oqsma tax-xjenza, matematika u t-teknoloġija, fejn aktar tfajliet jagħżlu dawn is-suġġetti.
Huwa żied jgħid li dan il-Gvern jemmen f’ekonomija li toħloq mhux biss il-ġid materjali imma li twassal għal kwalità ta’ ħajja aħjar. “Irridu li mhux ikollok xogħol imma karriera. Irridu nkomplu nsaħħu l-ugwaljanza f’pajjiżna. Għal dan il-għan irridu nwettqu bidliet biex ineħħu kull forma ta’ diskriminazzjoni.”

Meta kien qed jitkellem dwar is-settur tas-saħħa, il-Prim Ministru qal: “nagħtikom il-kelma tiegħi. Sptar f’Għawdex tal-aqwa kwalità biex nagħtu servizz tas-saħħa b’eċċellenza f’Għawdex għax hekk jixirqilhom l-Għawdxin. Dik hi l-wegħda tiegħi magħhom u se nwettquha wkoll.”

Il-Prim Ministru għalaq b’messaġġ ċar. “Il-kelma tiegħi mal-poplu Malti hi li se nibqgħu immexxu b’imħabba lejn kulħadd. Immexxu bi prinċipji ta’ ġustizzja soċjali. B’valuri sodi biex intejjbu s-soċjeta’ li ngħixu fiha. Lil uliedna nagħtuhom l-aqwa futur. Lill-anzjani tagħna wens u sostenn wara tant ħidma. Lill-ħaddiema tagħna u l-familji tagħhom l-aqwa kwalita’ tal-ħajja. Għax aħna l-moviment ta’ dan il-poplu ħabrieki. Il-Moviment tal-Ħaddiema u ta’ min Iħaddem. Għax aħna nemmnu fil-potenzjal ta’ kulħadd. 

Għax aħna lil Għawdex u Malta taghna inħobbuhom. Malta l-ewwel u qabel kollox. Flimkien se nibqgħu nirnexxu. Viva Malta Ħielsa.”

Sport