Saturday, May 18, 2024

Raġel arrestat b’rabta ma’ serqiet minn residenzi fl-Imsida u l-Gżira

Aqra wkoll

Ħidma bla waqfien minn sezzjonijiet differenti fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, waslet għall-arrest ta’ persuna li allegatament kienet involuta f’sensiela ta’ serqiet u attentati ta’ serq minn appartamenti fl-akwati tal-Gżira u l-Imsida.

Wara diversi jiem ta’ osservazzjoni, hekk kif mill-investigazzjonijiet intensivi li saru ġiet identifikata l-allegat persuna nvoluta, il-Ħadd li għadda, il-Pulizija wettqet operazzjoni ta’ sorveljanza fl-akwati tal-Imsida.

Din is-sorveljanza ħalliet l-frott hekk kif innutaw persuna maskili, liebes ilbies iswed, kien qed jaqbeż fuq xi bjut. Il-Pulizija mill-ewwel identifikat lil din l-istess persuna bħala dak imfittex u li kien qed jidħol fir-residenzi billi jaqbeż minn fuq il-bjut u jixxabbat fil-gallariji.

Minnufih, fl-akwati bdiet tfittxija intensiva, inkluż f’residenzi u eventalwalment ir-raġel, identifikata bħala Sirjan ta’ 26 sena, ġie arrestat fi Triq C De Brocktorff, hekk kif kien ħiereġ minn residenza.

Mill-investigazzjonijiet illi saru jirriżulta li l-ewwel rapporti ta’ serq bdew mill-bidu ta’ April ta’ din is-sena, bir-raġel jiġi arrestat hekk kif allegatament kien qed iwettaq serqa oħra.

Huwa mistenni jitressaq il-Qorti aktar tard illum filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport