Sunday, May 4, 2025

Raġel mixli li pprova jifga lis-sieħba waqt argument ħdejn il-baħar

Aqra wkoll

Raġel ta’ 48 sena residenti s-Siġġiewi neħel mill-arrest wara li quddiem il-Maġistrat Victor Axiak wieġeb mhux ħati li fl-1 ta’ Mejju pprova jifga lis-sieħba tiegħu waqt argument li kellhom ħdejn il-baħar.

Il-Prosekuzzjoni qalet fil-Qorti li kienet mara li marret tagħmel rapport fil-Unit Kontra l-Vjolenza Domestika fejn allegat li kienet sfat attakkata mis-sieħeb tagħha.

L-Ispettur Sherona Buhagiar qalet li l-mara qalet li kienet marret ħdejn il-baħar ma’ sħabha. Qalet li s-sieħeb tagħha kien mar għalija u ndunat li kien xurban.

Fir-rapport l-mara qalet li hekk kif indunat li kien se jinqala argument kienet marret fil-vettura tagħha u kien hawn li l-akkużat segwiha. Kien hawn li nqala l-argument fejn allegatament ipprova jifga u anke ħadilha ċ-ċwievet tal-karozza.

Il-koppja ilhom flimkien għal dawn l-aħħar 5 snin, iżda fl-aħħar xhur ir-relazzjoni ta’ bejnithom bdiet tmur għall-agħar. Kien f’Settembru li għadda meta l-akkużat kien ngħata ordni ta’ trażżin u anke sentenza ta’ probation wara li l-vittma qalet li kien qabadha minn għonqa.

Wara l-inċident li kien seħħ f’Settembru hu kien batilha messaġġ li kien għadu jħobbha u kien se jagħmel minn kollox biex l-affarijiet jitrangaw. L-allegat vittma aċċettat u reġgħu bdew ir-relazzjoni.

L-Ispettur Buhagiar qalet li l-vittma ġiet ċertifikata bi ġrieħi ħfief u r-risk assesment irriżulta li kienet f’riskju għoli li tinqatel mill-vittma. Apparti dan l-episodju u dak ta’ Settembru 2024 kien hemm diversi każi oħra fejn il-vittma ma rrapportax.

L-avukat tad-difiża Roberto Montalto qal li l-akkużat ukoll kien sofra xi ġrieħi fosthom għandu gidma taħt sidru u anke ġrieħi ħfief viżibbli f’wiċċu. Id-difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest u qal li l-koppja ma jgħixu flimkien u r-residenza tagħhom hija f’lokalità differenti.

Il-Maġistrat Axiak laqa’ it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €1,000, garanzija personali ta’ €20,000 u bil-kundizzjoni li jiffirma l-għassa ta’ Ħal Qormi waqt li ħareġ ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma u ordna lir-raġel ma jersaqx lejn il-Mellieħa fejn tgħix il-mara.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport