Friday, April 19, 2024

Ralf Rangnick konfermat bħala l-manager temporanju ta’ Man Utd sal-aħħar tal-istaġun

Aqra wkoll

Manchester United ikkonfermaw b’mod uffiċjali l-ħatra ta’ Ralf Rangnick bħala l-manager temporanju sa tmiem l-istaġun

Il-Ġermaniż ta’ 63 sena ħalla r-rwol tiegħu bħala direttur tal-isports u l-iżvilupp ma’ Lokomotiv Moscow biex jieħu post Ole Gunnar Solskjaer ma’ United b’kuntratt ta’ sitt xhur sal-aħħar ta’ Mejju.

Rangnick imbagħad jibqa’ f’Old Trafford fi rwol ta’ konsulenza għal sentejn oħra, għalkemm huwa possibbli li jista’ jdaħħal jsir il-manager fuq bażi permanenti jekk ir-riżultati jmorru tajjeb.

United għażlu lil Rangnick minn lista qasira ta’ ħames kandidati l-ġimgħa li għaddiet iżda ilhom jinnegozjaw ir-release tiegħu minn ma’ Lokomotiv filwaqt li l-ex manager ta’ Schalke, Hoffenheim u Hanover applika għal permess tax-xogħol.

Dak il-proċess għadu għaddej u għalhekk għad irid jara jekk Rangnick hux se jkun fit-tmexxija tar-Red Devils għal-logħba ta’ nhar il-Ħamis kontra Arsenal f’Old Trafford.

Il-caretaker manager Michael Carrick, li ssorvelja rebħa taċ-Champions League kontra Villarreal u d-draw tal-Ħadd kontra l-leaders tal-Premier League Chelsea, se jibqa’ responsabbli jekk Rangnick ma jkunx jista’ jibda jaħdem immedjatament.

Huwa mifhum li l-istaff ta’ Solskjaer – l-assistent Mike Phelan, il-coaches Carrick u Kieran McKenna, u l-coach tal-goalkeepers Richard Hartis – se jibqgħu kollha mal-United minkejja li Rangnick se jdaħħal ftit mill-istaff tiegħu stess inkluż l-analista tal-video fdat Lars Kornetka.

United jinsistu li Rangnick kien dejjem il-kandidat Numru 1 tagħhom u huwa impressjona waqt intervista mal-viċi-chairman eżekuttiv Ed Woodward, id-direttur tal-football John Murtough – li qatta’ żmien ma’ Rangnick meta kien ma’ RB Leipzig fl-2019 – u d-direttur tekniku Darren Fletcher.

Huma jemmnu li l-esperjenza tiegħu ta’ erba’ deċennji fil-football se tkun imprezzabbli biex jgħin lit-team għall-bqija tal-istaġun u mbagħad jagħti pariri lill-club għas-sentejn ta’ wara.

Sport