Sunday, December 22, 2024

Regolamenti ġodda dwar il-pet groomers, sitters u boarders

Aqra wkoll

F’konferenza tal-aħbarijiet, ġew imħabbra regolamenti ġodda li se jwasslu għal tisħiħ tal-istandards relatati ma’ servizzi lokali ta’ pet groomers, sitters u boarders offruti għall-annimali. Dawn ir-regolamenti, li se jidħlu fis-seħħ fi żmien xahrejn, se jippermettu aktar kontroll tas-servizzi offruti sabiex ikun hemm ċertifikazzjoni u liċenzjar addattat f’din l-industrija.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said, kif ukoll mid-Direttur tad-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali Joseph John Vella.

Il-Ministru Anton Refalo qal li din il-leġiżlazzjoni, li kienet ukoll miżura elettorali, għandha l-għan li tirregola u tiżgura standards għas-salvagwardja tal-annimali fir-rigward ta’ stabbilimenti li jipprovdu servizzi ta’ pet boarding, pet sitting u pet grooming.

“F’dan il-pakkett ta’ leġiżlazzjoni qed nipproponu numru ta’ definizzjonijiet, bħal akkomodazzjoni, pet boarder u pet sitter. Biex wasalna għal dawn ir-regolamenti, saru konsultazzjonijiet mal-pubbliku u mal-Kunsill tal-Ħarsien tal-Annimali u l-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali. Kommessi li nkomplu l-ħidma tagħna biex inkomplu nwettqu aktar għal dan is-settur,” temm jgħid il-ministru.

Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said saħqet dwar l-importanza ta’ dawn ir-regolamenti li se jippermettu lil dawk li qegħdin joffru servizz, kif ukoll persuni oħra li jitħajru jibdew joffru servizzi simili, sabiex ikollhom parametri li jistgħu jimxu magħhom biex joperaw bl-aħjar mod possibbli.

“Nafu kemm hawn groomers, sitters u boarders li jagħtu servizz eċċellenti f’pajjiżna u jindukraw bl-aktar mod xieraq lill-annimali domestiċi tagħna. B’dawn ir-regolamenti qed niżguraw li jkun hemm parametri ta’ standards li wieħed irid jilħaq sabiex ikun jista’ joffri servizzi ta’ dan it-tip. B’hekk niżguraw li l-annimali tagħna jkunu mħarsa kif suppost,” kompliet tgħid is-segretarju parlamentari.

Hija għalqet billi qalet li permezz ta’ dawn ir-regolamenti mħabbra llum, is-sidien tal-annimali domestiċi jistgħu jserrħu rashom li l-annimali tagħhom se jirċievu l-aħjar trattament, kif inhu xieraq.

Min-naħa tiegħu, id-Direttur Joseph John Vella qal li dawn ir-regolamenti se jkollhom l-għan li l-istabbilimenti jiġu regolarizzati u jsir il-monitoraġġ u l-infurzar fejn meħtieġ. Dan se jservi sabiex l-annimali domestiċi jkollhom trattament xieraq mingħajr abbużi tal-ebda tip, għall-benefiċċju tal-annimali.

Ir-Regolamenti tal-2024 dwar Standards għall-Operat ta’ Stabbilimenti tal-Grooming għall-Annimali Domestiċi, u r-Regolamenti tal-2024 dwar Standards għall-Operat ta’ Akkomodazzjonijiet ta’ Pet Sitting u Stabbilimenti ta’ Akkomodazzjoni ta’ Pet Boarding għal Qtates u Klieb, se jidħlu fis-seħħ fi żmien xahrejn u jagħmlu parti mill-Att dwar it-Trattament Xieraq tal-Annimali (Kap. 439).

Ekonomija

Sport