Saturday, July 13, 2024

RESPONSABBILTÀ GĦAŻ-ŻAMMA TAJBA TAL-BAJJIET

Aqra wkoll

Waħda mill-attrazzjonijiet li għandu pajjiżna għat-turiżmu huma l-bajjiet speċjalment dawk imrammlin li minnu nsibu diversi madwar il-pajjiż. Għalhekk huwa kruċjali li dawn il-bajjiet jinżammu fi stat tajjeb kemm ambjentali kif ukoll għall-għawm tan-nies.

Jidher li l-awtoritajiet huma konxji ta’ dan tant li t-tindif fuq il-bajjiet isir b’mod regolari u anke f’ħinijiet li ma jiddisturbawx is-serenità ta’ min ifittixhom. Fil-fehma tagħna r-responsabbiltà għaż-żamma tajba tal-bajjiet ma taqax biss fuq l-awtoritajiet imma anke taqa’ fuq in-nies li jkunu f’dawn l-istess bajjiet.

Dan sabiex mhux biss jibqa’ l-upkeeping tal-bajjiet imma anke jiġu evitati ċertu perikli fosthom ta’ ħġieġ u laned li jkunu ntremew taħt ir-ramel. Filwaqt li aħna nemmnu li n-negozji għandu jkollhom il-faċilità li jaqilgħu l-għajxien tagħhom anke mill-kiri ta’ umrebelel u deckchairs b’danakollu ma nistgħux nittolleraw li l-bajjiet kollha jiġu kkapparati minn dawn, bħalma qed jiġri f’ċertu bajjiet. Il-bajjiet huma ta’ kulħadd u kulħadd għandu jkollu aċċess ħieles għalihom.

Inizjattiva li mistennija twassal għaż-żamma tajba tal-bajjiet hi dik li ħabbret it-Tnejn li għadda l-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli. L-għan ta’ din il-kampanja huwa li organizzazzjonijiet u għaqdiet differenti jingħaqdu biex jorganizzaw u jieħdu sehem f’kampanji ta’ tindif.

Għandha tingħata wkoll importanza lil dawk il-bajjiet li fortunatament, għalkemm mhux spiss, ibejtu fihom il-fkieren, li l-ispeċi tagħhom hemm bżonn jibqgħu protetti.

Għalhekk, nemmnu li aktar kampanji serji bħal dik li semmejna qabel, għandhom ikomplu għaddejjin sabiex ibiddlu l-kultura lejn aktar responsabbiltà pubblika fiż-żamma tajba tal-bajjiet tagħna. Hawnhekk nirreferu wkoll għat-tradizzjoni tal-BBQs fejn nappellaw sabiex il-bajjiet kemm fuq il-blat u kif ukoll fuq ir-ramel jitħallew nodfa kif ikunu sabuhom qabel. Għaliex id-drittijiet ta’ wieħed ma jispiċċawx mal-bidu tad-drittijiet ta’ ieħor.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport