Tuesday, July 9, 2024

Spanja jkomplu juru li huma l-aqwa team tal-Euro 2024

Aqra wkoll

SPANJA ……. 2   

FRANZA ……. 1

Spanja kkwalifikaw għall-ħames finali tagħhom fl-istorja tal-Kampjonat Ewropew meta fis-semi-finali dawru telfa f’rebħa biex għelbu lil Franza bl-iskor ta’ 2-1.

Il-Franċiżi ħasdu lill-Ispanjoli kmieni fil-partita wara bidu veloċi iżda żewġ goals f’temp ta’ erba’ minuti, ippermettew lill-Ispanjoli biex jiddettaw il-logħob.

Kien fit-tieni taqsima li l-Franċiżi għollew il-logħba tagħhom iżda ma setgħux isibu t-triq lejn il-lasti avversarji biex setgħu jiksbu d-draw.

Appena għaddew ħames minuti, Spanja resqu ferm viċin li jiftħu l-iskor meta Lamine Yamal xeħet cross insidjuż li sab lil Fabian Ruiz iżda minn taħt il-lasti għamel l-impossibbli u xeħet għoli.

Ta’ dan in-nuqqas, kienu Franza li fetħu l-iskor meta fid-disa’ minuta Kylian Mbappe tefa’ cross meq­jus fejn Randal Kolo Muani kellu l-ispazju kollu biex b’daqqa ta’ ras komda għeleb lill-goalkeeper, Unai Simon.

L-Ispanjoli għamlu reazzjoni fejn Ruiz xeħet lejn Alvaro Morata iżda minn qagħda ideali naqas li jolqot il-ballun bir-ras.

Fit-18-il minuta, kien Nacho li salva lill-Ispanjoli meta Mbappe kien ġej bil-ġirja, daħal fil-kaxxa u venven xutt iżda sab lid-difensur Spanjol jimblokka x-xutt tiegħu bil-goalkeeper sieħbu megħlub għal kollox.

Żewġ minuti wara, assistejna għal ġmiel ta’ goal meta l-player ta’ 16-il sena, Lamine Yamal, dar ma’ Adrien Rabiot, u minn 35 metru bogħod, bil-kalma kollha dawwar il-ballun għal ġox-xibka megħjun mill-wieqfa … biex sar l-iżgħar skorer fl-istorja tal-Kampjonat Ewropew wara li fil-bidu ta’ dan it-tournament sar l-iżgħar player li lagħab fil-Euros. 

Kien goal li ddemorlizza lill-Franċiżi biex naqsu jirriorganizzaw lilhom infushom, tant, li fl-24 minuta, l-Ispanjoli dawru l-iskor favur tagħhom meta Dani Olmo laħaq fuq il-ballun qabel il-Franċiż, Aurelien Tchouameni, u fajjar kanunata li għelbet lill-goalkeeper, Mike Maignan, bil-ballun jaħbat ma’ sieq Jules Kounde fuq il-linja fatali u spiċċa fix-xibka.  

Fit-37 minuta, Yamal għadda lejn Ruiz li minn barra l-kaxxa pprova jipplejsja l-ballun iżda ġie devjat għal corner.

It-tieni taqsima fetħet bil-goalkeeper Franċiż joħroġ minn postu biex jittakilja lil Nico Williams u b’xorti tajba l-ballun ma ħabatx mal-attakkant Spanjol għax setgħet issarraf f’ħarġa katastrofika.

Fis-56 minuta, Mbappe ħarab mal-linja xellugija, daħal fil-kaxxa iżda minflok xeħet għan-nofs, ippre­fera jixxuttja minn pożizzjoni angolata biex il-ballun spiċċa f’idejn il-goalkeeper Simon.

Fis-60 minuta, Ousmane Dembele xeħet cross pe­rikoluż li Simon laqa’ parzjalment, b’Mbappe jkun ftit ċentrimetri bogħod milli jitfa’ l-ballun fix-xibka.

Fil-75 minuta, Les Bleus fallew opportunitá tajba meta l-ballun wasal għand Theo Hernandez, wara żball fid-difiża avversarja, iżda għolla l-mira.

Fl-aħħar erba’ minuti, Mbappe seta’ għamel aħjar meta dar ma’ Daniel Vivian iżda xeħet għoli mill-viċin.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport