Riċerkaturi minn Malta skoprew il-vjaġġi twal ta’ tiftix tal-ikel li jieħdu ċ-Ċief matul il-perjodu kruċjali qabel ma jbidu. Iċ-Ċiefa (EN: Scopoli’s Shearwater; Calonectris diomedea) hija speċi ta’ għasfur tal-baħar endemiku għall-Mediterran. Madwar 3,000 par ibejtu fil-Gżejjer Maltin, iżda kemm hawn kif ukoll fi bnadi oħra in-numri ta’ dawn l-għasafar qed jonqsu.
Fiċ-Ċief u speċi relatati, in-nisa jbidu bajda waħda biss fis-sena. Jekk din tintilef, ma jistgħux jerġgħu jbidu qabel is-sena ta’ wara. Il-perjodu ta’ qabel ma jbidu huwa kruċjali biex jinkisbu n-nutrijenti meħtieġa biex tiġi prodotta l-bajda, u biex l-adulti jkunu preparati għall-istaġun twil tal-bejta.
Minkejja l-importanza ta’ dan l-istadju, il-movimenti li jagħmlu ċ-Ċief matulu qatt ma kienu ġew studjati qabel. L-istess grupp ta’ riċerkaturi kienu ppubblikaw ukoll l-ewwel studju tal-movimenti tal-Garni waqt l-istess perjodu minn Malta.
Bl-użu ta’ apparat GPS li jitqabbdu mal-għasafar, l-ornitoloġisti Marie Claire Gatt, Benjamin Metzger, Paulo Lago, u Martin Austad skoprew il-movimenti li jagħmlu ċ-Ċief matul Mejju, qabel ma n-nisa jbidu l-bajd. Fl-artiklu xjentifiku tagħhom, ippubblikat fir-rivista ornitoloġika internazzjonali Ardeola, l-awturi jiddeskrivu kif iċ-Ċief nisa jitilqu mill-bejta biex jagħmlu vjaġġ fuq il-baħar ta’ tiftix tal-ikel li jdum aktar minn 20 jum li matulu jipproduċu l-bajda kbira tagħhom.
Il-produzzjoni ta’ din il-bajda tidher li tieħu l-maġġoranza tan-nutrijenti li ċ-Ċiefa tkun akkwistat mill-ikel. L-irġiel tagħhom wkoll jagħmlu vjaġġ twil ta’ tiftix tal-ikel li jdum madwar 15-il jum, iżda jirritornaw lejn il-bejta mħaxxnin sabiex jibdew huma jinkubaw il-bajda kif titbid u jqattgħu madwar ġimgħa fil-bejta sawmi. B’hekk, il-mara tkun tistà tmur lura fuq il-baħar biex takkumula r-riżorsi enerġitiċi hi wkoll.
Dawn il-vjaġġi twal ta’ tiftix tal-ikel jestendu mijiet ta’ kilometri mill-bejta u lil hinn mill-ibħra territorjali tagħna; l-ibħra ’l barra mill-kosta tat-Tuneżija u l-Libja huma destinazzjonijiet popolari ta’ tiftix tal-ikel, kif ukoll l-ibħra Taljani.
Dan ifisser li l-protezzjoni ta’ popolazzjoni f’post tiddependi minn politiki f’diversi pajjiżi, u dan jikkomplika l-konservazzjoni ta’ speċi b’firxa wiesa bħaċ-Ċief. Il-qbid inċidentali f’irkapti tas-sajd, is-sajd eċċessiv, u t-tniġġis tal-baħar huma wħud mit-theddid li jiffaċċjaw dawn l-għasafar fuq il-baħar.
Fuq l-art, il-bajd tagħhom jista’ jiġi kkunsmat minn firien invażivi jekk jitħalla waħdu. Ir-riċerkaturi sabu li meta n-nisa jirritornaw lejn il-bejta tagħhom biex ibidu, ir-raġel spiss ikun għadu fuq il-vjaġġ tiegħu ta’ tiftix tal-ikel. Billi jkunu eżawriti mill-enerġija, in-nisa jkunu jridu jirritornaw lejn il-baħar biex jirkupraw saħħithom, u b’hekk il-bajda ġieli titħalla waħedha u vulnerabbli sakemm ir-raġel jirritorna.
Il-firien ma kinux parti mill-pajsaġġ li evolvew fih dawn l-għasafar tal-baħar. L-iskart tal-bnedmin iżid in-numru ta’ firien u, bħala konsegwenza, l-impatt tagħhom fuq il-ħlejjaq selvaġġi indiġeni.
Malta għandha responsabbiltà internazzjonali li tissorvelja u tipproteġi l-popolazzjonijiet taċ-Ċief fuq xtutna. Id-data li ntużaw għal dan l-istudju inġabar waqt il-perjodu ta’ eżekuzzjoni ta’ żewġ proġetti finanzjati mill-programm LIFE tal-Unjoni Ewropea, immexxijja minn BirdLife Malta: il-proġetti EU LIFE+ Malta Seabird Project (LIFE10NAT/MT/000090) u LIFE Arċipelagu Garnija (LIFE14NAT/MT/000991), bejn 2010 u 2020, bil-parteċipazzjoni tal-organizazzjonijiet sħab tal-BirdLife RSPB (Renju Unit) u SPEA (Portugall), kif ukoll b’kofinanzjament tal-Ministeru tal-Ambjent ta’ Malta.



