Wednesday, June 17, 2026

Imniedi l-programm tal-attivitajiet tal-Imnarja 2026

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel nieda uffiċjalment il-programm tal-attivitajiet tal-Imnarja 2026, waħda mill-eqdem u l-aktar tradizzjonijiet popolari fil-kalendarju kulturali Malti.

Il-programm tal-Imnarja 2026 se jinkludi numru ta’ attivitajiet kulturali, agrikoli u tradizzjonali mifruxa fuq diversi ġranet, fosthom wirjiet ta’ annimali, esebizzjonijiet ta’ makkinarju agrikolu, wirjiet ta’ frott u ħxejjex, kompetizzjonijiet marbuta mas-settur agrikolu, attivitajiet folkloristiċi u esperjenzi awdjoviżwali. Il-qofol tal-festa se jkun fil-Buskett fit-28 u d-29 ta’ Ġunju, fejn il-pubbliku se jkun jista’ jgawdi programm varjat li jiċċelebra l-wirt agrikolu u rurali Malti.

Waqt it-tnedija, il-Ministru Anton Refalo qal li l-Imnarja tibqa’ okkażjoni importanti li tiċċelebra l-wirt agrikolu u rurali ta’ pajjiżna filwaqt li tagħti rikonoxximent lill-ħidma tal-bdiewa u r-raħħala Maltin.

Il-Ministru enfasizza li l-attivitajiet organizzati għal din is-sena huma maħsuba biex ikomplu jqarrbu lill-pubbliku lejn is-settur agrikolu u jsaħħu l-apprezzament lejn tradizzjonijiet li għadhom relevanti sal-lum.

Huwa tenna wkoll l-impenn tal-Gvern li jkompli jappoġġja lis-settur agrikolu u jippromwovi inizjattivi li jsaħħu l-għarfien dwar l-importanza tal-produzzjoni lokali tal-ikel u l-protezzjoni tal-wirt rurali Malti.

Il-programm tal-Imnarja 2026 jinkludi numru ta’ attivitajiet kulturali, edukattivi u tradizzjonali, b’enfasi partikolari fuq il-kontribut storiku u attwali tal-agrikoltura Maltija.

Id-Direttur għas-Servizzi ta’ Sapport fil-Ministeru għal-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel, Estelle Sant spjegat, “L-Imnarja hija Festa li tiċċelebra l-ħidma u l-prodotti tal-bdiewa u r-raħħala Maltin u Għawdxin. Inħeġġu lil kulħadd sabiex jattendi għal dan l-avveniment li ser ikun mimli b’attivitajiet għal familja kollha.”

Ara l-programm kollu f’din il-ħolqa: https://www.swisstransfer.com/d/2747a8b5-fd0d-43e4-81eb-e478b463feb0

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport