Thursday, April 18, 2024

Riskju kbir ta’ katastrofu nukleari ġewwa l-Ukrajna

Aqra wkoll

Ħaddiema li jaħdmu ġewwa l-impjant nukleari Ukren ta’ Zaporizhzhia – li jinsab okkupat mir-Russi – iddeskrivew kif inżammu kontra r-rieda tagħhom mis-suldati Russi – b’dawn l-aħħar jippuntaw armi tan-nar lejhom – filwaqt li r-Russi bdew jużaw dan l-impjant bħala bażi militari. 

Il-forzi invażivi Russi okkupaw dan is-sit ġewwa l-Ukrajna f’Marzu li għadda. Dan huwa l-ikbar impjant nukleari fl-Ewropa u minkejja l-invażjoni Russja xorta waħda għadu qiegħed jitmexxa mit-tekniċi Ukreni. Riċentament Moska ġiet akkużata li qiegħda tuża dan l-impjant bħala “tarka” filwaqt li t-truppi tagħha użaw dan il-post biex jisparaw rokits li żoni fil-madwar. 

Fl-aħħar sigħat kien hemm rapporti ġodda ta’ bumbardamenti qrib ħafna ta’ dan l-impjant, u fid-dawl ta’ dan in-Nazzjonijiet Uniti wissiet li l-ġlied qrib din iż-żona jista’ “jwassal f’diżastru nukleari”.

Żewġ ħaddiema Ukreni li tkellmu ma’ BBC qalu kif huma ta’ kuljum jiġu mhedda bi ħtif filwaqt li jinsabu inkwetati dwar ir-riskju ta’ “kontaminazzjoni radju attiva fiż-żona” jew saħansitra katastrofu nukleari. 

Zaporizhzhia tinsab ftit mili bogħod mill-belt ta’ Nikopol fin-Nofsinhar tal-Ukrajna – belt li f’dawn l-aħħar ġimgħat esperjenzat bumbardamenti qawwija tant li kien irrapportat li f’lejl partikolari ġew sparati 120 rokit. Hu mifhum li dawn ir-rokits ġew min-naħa ta’ Enerhodar, li hija l-parti ta’ Zaporizhzhia fejn hemm dan l-imsemmi impjant nukleari. 

In-Nazzjonijiet Uniti wissiet li dan kollu qed joħloq riskju kbir ta’ diżastru nukleari u għalhekk ħeġġet biex il-ġlied jieqaf immedjatament u l-uffiċjali tagħha jitħallew jispezzjonaw iż-żona. L-Ukrajna u r-Russja qed iwaħħlu f’xulxin dwar min hu responsabbli għall-instabbiltà madwar Zaporizhzhia.

Ekonomija

Sport