Thursday, December 19, 2024

RISPETT LEJN KULĦADD F’SOĊJETÀ INKLUSSIVA

Stefan Zrinzo Azzopardi
Stefan Zrinzo Azzopardi
Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali

Aqra wkoll

Malta għamlet passi kbar ‘il quddiem fil-mixja tagħna lejn aktar drittijiet ċivili. Drittijiet li inksibu tul is-snin lejn aktar ugwaljanza bejn is-sessi u anke bejn persuni ta’ orjentazzjonijiet sesswali differenti. Fl-aħħar snin rajna bidliet kbar fil-liġijiet li taw drittijiet li qabel konna narawhom xi ħaġa li diffiċli biex niksbu. Drittijiet li ġabu magħhom bidliet importanti u li taw dinijità  lil min kien ilu jiġi emarġinat fis-soċjetà.

Dawn id-drittijiet jipproteġu persuni li sa ftit tas-snin ilu kienu qajla jesprimu min verament huma. Drittijiet li bidlu dak li kien ilu jseħħ fis-soċjetà tagħna, sitwazzjonijiet li kienu jwasslu biex issir pressjoni kbir fuq persuni fis-soċjetà li kien ikollhom jesprimu imħabbithom fil-moħbi. 

L-unika darba li kien hemm bidla radikali fil-liġijiet tagħna fejn jidħlu drittijiet ta’ persuni omosesswali kien fis-snin sebgħin meta l-omosesswalità tneħħiet minn reat kriminali. Iżda dik il-bidla kienet ferm ‘l bogħod minn dak li rnexxilna niksbu fl-aħħar snin.

Pajjiżna illum wasal ukoll fil-punt fejn għandna  ugwaljanza sħiħa fiż-żwieġ. Qed nirrikonoxxu forom differenti ta’ familji u ingħataw drittijiet li jipproteġu lil dawk kollha li jiddeċiedu li jgħixu f’dawn il-forom diversi ta’ familji. 

Dawn huma passi importanti u meħtiega li jipproteġu d-diversità fis-soċjetà tagħna. Persuna tista’ tesprimi bl-aktar mod miftuħ min verament hi. Meta nħarsu lura minfejn tlaqna għal fejn ninsabu llum, mill-ewwel nintebħu kemm dawn il-bidliet huma radikali. Huma bidliet li pajjiżi oħra għadhom qed jaraw kif jimplimentaw. Mhux ta’ b’xejn li pajjiżna huwa meqjus bħala wieħed minn ta’ quddiemnett fid-drittijiet ċivili. 

Għamilna wkoll bidliet li ġabu magħhom aktar ugwaljanza bejn is-sessi bil-għan li tinqata’ kemm huwa possibbli d-diskriminazzjoni bejn in-nisa u l-irġiel f’kull aspett tas-soċjeta. Żidna bil-bosta l-opportunitajiet lin-nisa biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol billi pprovdejnilhom iċ-childcare b’xejn għat-tfal tal-familji Maltin u Għawdxin. Komplejna nsaħħu l-liġijiet tagħna kontra l-vjolenza domestika u anke ħadna passi b’tibdil kostituzzjonali biex titjieb ir-rappreżentanza femminili fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, il-Parlament. Rajna wkoll bosta nisa jingħataw ħatriet ta’ importanza fosthom fil-ġudikatura u l-istituzzjonijiet tal-pajjiż.

Għaddejna liġi ta’ tqis reat kriminali it-terapija li tipprova tbiddel l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna u liġi oħra dwar l-identita tal-ġeneru li fost fost affarijiet oħra tagħti protezzjoni lil dawk li jkunu ddeċidew huma min rajhom li jidentifikaw ruħhom ma’ ġeneru sesswali u mhux ma’ ieħor

Imma l-fatt li għamilna dawn il-bidliet fil-liġijiet tagħna ifisser li wasalna jew fadal aktar x’nagħmlu? Nemmen li l-bidliet li wettaqna huma bidliet importanti ferm. Bidliet li kien ilhom mehtiega u li taw bidu ġdid lil bosta persuni fis-soċjetà tagħna. Imma minn dak li nosserva, minn ġrajjiet riċenti u minn kummenti li jiġu espressi b’mod partikolari fil-medja soċjali, huwa evidenti li fadal hafna aktar xi jsir. 

Fadal ħtiega li nahdmu aktar biex mhux biss il-bidla fil-liġijiet u l-introduzzjoni ta’ drittijiet isseħħ fir-realtà, imma rridu nwasslu l-messaġġ ta’ bidla fil-mentalità. Bidla li twassal biex nirrispettaw aktar lil xulxin. Nistgħu nargumentaw kemm hemm bżonn fuq temi li forsi ma nkunux naqblu dwarhom imma għandu jkollna  r-rispett lejn kull persuna hi min hi, irrispettivament mill-orjentazzjoni sesswali tagħha u minn kull ħaġa ohra li tista’ tiddistingwi persuna minn oħra. Jeħtieġ li nkomplu naħdmu flimkien biex negħlbu preġudizzji li għad għandhom l-egħruq fis-soċjetà tagħna.

Nemmen li s-sena 2022 għandna niddedikawha biex inwasslu aktar il-messaġġ favur ir-rispett lejn xulxin. Dan ir-rispett lejn xulxin se jkollna bżonnu fix-xhur li ġejjin meta l-pajjiż se jgħaddi minn kampanja elettorali li trid tagħti l-opportunità lill-poplu tagħna jagħżel b’serenità lill-Gvern li jrid imexxih. Jeħtieġ li nwasslu dan il-messaġġ ta’ rispett lejn xulxin f’kull rokna tal-pajjiż biex ma nħallux tikber iż-żerriegħa tal-mibgħeda li tħalli konsegwenzi koroh fuq is-soċjetà kollha.

Stefan Zrinzo Azzopardi – Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ekonomija

Sport