Wednesday, July 24, 2024

Rota u Atlas Insurance jingħaqdu biex flimkien jippromwovu l-mobilità attiva f’Malta

Aqra wkoll

Rota, għaqda ewlenija li tippromwovi l-mobilità attiva f’Malta, hija kburija li tħabbar sħubija strateġika ta’ tliet snin ma’ Atlas Insurance, bil-għan li tavvanza inizjattivi ta’ mobilità attiva madwar il-gżira. Din il-kollaborazzjoni, li saret possibbli permezz tal-Atlas Insurance Community Involvement and Development Fund, hija pass importanti fil-promozzjoni taċ-ċikliżmu bħala mezz vijabbli ta’ trasport.

L-introduzzjoni tal-ewwel Ambaxxatur tar-Roti, rwol ewlieni bi ħlas iddedikat għall-promozzjoni tal-benefiċċji taċ-ċikliżmu u t-trawwim ta’ kultura ta’ sigurta’ fost is-sewwieqa, hija ċentrali għal din is-sħubija. Permezz ta’ impenji mmirati lejn skejjel u negozji, l-Ambaxxatur tar-Roti se jindirizza sessjonijiet informattivi dwar il-vantaġġi taċ-ċikliżmu u joffri gwida essenzjali għas-sewqan tar-rota fit-toroq ta’ Malta. Barra minn hekk, se jiġu organizzati serje ta’ avvenimenti, konferenzi u inizjattivi innovattivi, inklużi bicycle buses, biex itejbu l-għażliet ta’ mobilità u jippromwovu prattiki ta’ trasport sostenibbli.

Il-proġett tal-Ambaxxatur tar-Roti se jiffoka wkoll fuq l-iżvilupp ta’ opportunitajiet ta’ ċikloturiżmu, bi pjanijiet biex jiġu stabbiliti rotot xeniċi li jenfasizzaw is-sbuħija naturali ta’ Malta u jikkontribwixxu għat-tkabbir tas-settur taċ-ċikloturiżmu.

“Aħna ninsabu entużjasti ħafna dwar dan il-vjaġġ kollaborattiv ma’ Atlas Insurance,” qal Mark Trapani, President ta’ Rota. “Bl-appoġġ iddedikat tagħhom, nistgħu nsaħħu l-isforzi tagħna biex niżguraw li l-mobilità attiva tibqa’ prijorità fuq l-aġenda nazzjonali.”

Catherine Calleja, Direttur Eżekuttiv u Chairperson tal-Atlas Insurance Community Involvement Committee stqarret: “Dan il-proġett huwa ferm sintonizzat mal-impenn tagħna li nippromwovu s-saħħa u s-sostenibbiltà. Forom alternattivi ta’ mobilità jgħinuna nallinjaw ma’ diversi Għanijiet ewlenin ta’ Żvilupp Soċjali (SDGs), inklużi Bliet u Komunitajiet Sostenibbli, Azzjoni Klimatika, Saħħa u Benessri, u Enerġija Affordabbli u Nadifa. Atlas hija ferħana li qed taħdem ma’ Rota biex tikkontribwixxi lejn dawn l-għanijiet.”

Il-bidu ta’ din il-kollaborazzjoni bejn Rota u Atlas Insurance ġie ċċelebrat b’dawra bir-roti minn Ta’ Xbiex sa San Ġiljan. Il-parteċipanti kienu jinkludu membri tal-kumitat tar-Rota u impjegati ta’ Atlas Insurance, akkumpanjati mill-familji u l-ħbieb tagħhom, li ħadu l-opportunità li jsuqu r-rota fl-inħawi qrib il-lokalita’ tal-uffiċċju tagħhom u li jiksbu kunfidenza fit-triq.

Ekonomija

Sport