Raġel ta’ 24 sena, li sawwat lil omm u lil missieru waqt li kien fis-sakra, reġa’ ġie aċċettat fid-dar tal-ġenituri tiegħu. Huma ħafrulu bit-tama li jagħmel programm ta’ rijabilitazzjoni mix-xorb u d-droga. Hu ma instabx ħati tal-offiżi akkużat bihom.
Hu kien akkużat li qiegħed il-ħajja ta’ ommu f’periklu ċar u volontarjament ikkaġuna ħsara fil-ġisem. Kien akkużat ukoll li kien qiegħed il-ħajja ta’ missieru Ivan Attard f’periklu ċar. Kien akkużat ukoll li bi traskuraġni jew b’nuqqas ta’ ħsieb, waddab jew xeħet ilma jew ħwejjeġ oħra maħlula jew ħmiġijiet fuq il-persuna ta’ missierek Ivan Attard.
Jidher li l-każ seħħ fid-29 ta’ Novembru tas-sena 2021 meta hu agredixxa liż-żewġ ġenituri tiegħu fir-residenza li fiha jgħix magħhom waqt li kien fi stat ta’ sokor. Ġara li l-ġenituri irrinunzjaw għall-kwerela li huma kienu diġa għamlu u għall-azzjoni kriminali fil-konfront ta’ binhom. Iddikjaraw ukoll li ma xtaqux jixhdu fil-konfront ta’ binhom. Il-missieri irrifjuta wkoll li jsir risk assessment mill-Agenzija Appogg.
Il-ġenituri qalu li xtaqu jaħfru lil binhom u jerġgħu jaċċettawh lura ġo darhom bit-tama li jsegwi b’suċċess programm għar-riabilitazzjoni mix-xorb u d-droga.