Sunday, March 9, 2025

‘Se jifqagħni bil-karozza…se jgħollina….lili kien iqabbadni biża’ kbir għax li jgħid jagħmlu’

…omm u bintha terrorizzati minn messaġġi ta’ theddid wara li ħarqilhom il-karozza ….”il-ħabs ma jwerwirx nies, mur għamel rapport, jien għadni niġri barra”

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Omm u bintha sfaw terrorizzati b’theddid kontinwu fuq is-sit soċjali ta’ Facebook, theddid li jvarja minn ħruq ta’ karozza u li se jgħollihom, liema theddid kien anke immatejalizza ruħu fir-rigward tal-karozza u anke meta mar għaliha fuq il-post tax-xogħol. Theddid li kien qed iseħħ minkejja li kien spiċċa l-ħabs u minkejja li kellu garanzija ta’ protezzjoni.

Fi kliem it-tfajla tiegħu, li minnu kellha tifla, kien jhedded li ‘ħa jifqgħani bil-karozza. Ħa jgħollina. Ħa jitla fuq ix-xogħol tas-sieħeb tiegħi u ħa jgħollih bil-karozza. Il-ħin kollu jhedded u lili jqabbadni biza’ kbira għax li jgħid jagħmlu. Li jgħid jagħmlu”. Tgħid li minkejja l-garanzija ta’ protezzjoni baqgħet tarah qrib il-post tax-xogħol u qrib ir-residenza feint kienet tgħix.

Kien saħansitra jgħidilha tmur tirrapporta, kien jgħidilha li ħarqilha l-karozza u li għadu jiġri barra. Il-każ ta’ theddid u vjolenza ħa żvolta fis-16 ta’ Diċembru tas-sena 2020, meta għall-ħabta ta’ 2:50 ta’ filgħodu, il-Pulizija kienet infurmata li fi Triq il-Vitorja, l-Isla eżattament fejn il-każin tal-Partit Laburista kien hemm vettura li kienet qiegħda tieħu n-nar kif ukoll il-faċċata tar-residenza. Meta waslet fuq il-post sid il-vettura tal-għamla Fiat Punto, li kienet tfajla flimkien ma’ ommha stqarret mal-Pulizija li kienet ipparkjat il-vettura f’dak il-post lejliet.

Mistoqsijin jekk kellhomx suspett f’min seta’ ta n-nar lill-vettura, iż-żewġ nisa jippuntaw fid-direzzjoni ta’ l-eks sieħeb ta’ tat- tfajla jiġifieri Omar Djelassi.
Intqalilhom li huma għandhom wild inkomuni u li kellhom dan is-suspett għax fil-passat, hu kien hedded lit-tfajla li kien ser jaħarqilha l-vettura, tant li hi kienet għamlet diversi rapporti lill-Pulizija fir-rigward ta’ dan it-theddid.

Ikkonfermat ukoll mal-Pulizija li kien hemm Ordni ta’ Protezzjoni maħruġ fil-konfront tiegħu u li minkejja dan, baqgħet tarah diversi drabi ħdejn il-post tax-xogħol tagħha, kif ukoll ħdejn ir-residenza tagħha.

Irriżulta li mill-filmati tal-kameras tas-sigurtà (CCTVs) elevati mill-akwati fejn seħħ il-każ, jirriżulta li ftit minuti qabel ma ħadet in-nar il-vettura, dehret persuna mhux identifikabbli miexja fl-imsemmija triq. Ftit minuti wara dehret il-fjamma tan-nirien u reġgħet dehret l-istess persuna, din id-darba nieżla tiġri mill-istess triq u tibqa’ ħierġa minn l-Isla.

Mill-eżerċizzju ta’ lokalizazzjoni li saret fir-rigward tan-numru taċ-ċellulari ta’ Omar, irriżulta li fil-ħin tal-ħruq, l-istess Omar kien qiegħed fl-Isla. Dan ġie kkonfermat ukoll mill-espert Keith Cutajar. Irriżulta ukoll li apparti lokalizazzjoni, kienet intalbet ukoll engineering data li minnha irriżulta li filfatt Omar kien propju qiegħed fit-toroq fejn seħħ il-każ fil-ħin meta l-vettura tal-parti offiża ngħatat in-nar.

Hu kien ġie arrestat u rrilaxxa stqarrija nhar il-11 ta’ Marzu tas-sena 2021, fejn ċaħad l-involviment tiegħu f’dan il-każ. Meta l-omm xehdet quddiem il-Qorti, stqarret li għalkemm il-vettura kienet xtratha hi u kienet fuq isimha, kienet bintha li kienet tagħmel użu minnha. Xehdet li mal-ewwel nibet fiha is-suspett li ma kien ħadd ħlief Omar li kien ħaraq din l-vettura u li din ma kinitx l-ewwel darba li sabet ħsarat fuq l-istess vettura, fosthom daqqa ta’ ponn u mirja mqaċċtin.

Tirrakkonta episodju li seħħ f’Awwissu fejn hu kien ċemplilha u qalilha biex tmur tiċċekkja l-karozza u meta marret sabet il-bonnet tal-istess karozza kollu spray iswed. Xehdet li kienu ressqu diversi rapporti kontrieh mal-Pulizija. Stqarret ukoll li wara l-inċident irċeviet theddid fuq Facebook Messenger minn profili differenti. Tgħid li taf li kien Omar għax wara l-inċident kienet qed tinqeda b’vettura oħra u meta marret twassal lin-neputija għandu, kien osservaha issuq din il-vettura u ftit wara kienet irċeviet messaġġ li kien jgħid “mela ara ġibt karozza ġdida, issa ħa naħraq il-faċċatta tat-tifla tiegħek kif jifdalli naqra fjuwil naħraqlek din il-karozza ukoll”.

Hija esebiet kopja ta’ dawn il-messaġġi li kienu intbagħtu minn tlett profili fil-pjattaforma tal-Facebook bl-ismijiet “Haha Huhu”, “Jane Cassar” u “Ġej Għalik”.
It-tfajla xehdet li minnu kellha tifla, u meta kien ra ritratt ta’ bintha magħha u mas-sieħeb tagħha, hu kien beda jheddidha.

Fost it-theddid kien hemm li “ħa jifqgħani bil-karozza. Ħa jgħollina. Ħa jitla’ fuq ix-xogħol tas-sieħeb tiegħi u ħa jgħollih bil-karozza. Il-ħin kollu jhedded u lili jqabbadni biza’ kbira għax li jgħid jagħmlu. Li jgħid jagħmlu”.

Qalet li kien heddidha li kien ser imur fuq il-post tax-xogħol tagħha “biex ikaxkarni” u filfatt kien sabha fuq il-post tax-xogħol u werwer lil kull min kien hemm preżenti. Stqarret ukoll li kien daħal il-ħabs talli sprejalhom il-vettura tagħhom bi spray iswed.

Il-Qorti kienet qalet li huwa indubitat f’dan il-każ li ma hemm ebda prova diretta li torbot lill-Omar mal-kummissjoni tar-reati li dwarhom instab ħati. Madanakollu l-Prosekuzzjoni ressqet numru ta’ provi indizzjarji li l-Ewwel Qorti straħet fuqhom sabiex issib il-ħtija.

Ġie kostantament ritenut illi l-provi indizzjarji jassumu rwol importanti ħafna, iżda, bħal kull prova indiretta oħra, jridu jkunu tali li jwasslu għall-konkluzzjoni univoka, li tipponta biss mingħajr dubju dettat mir-raġuni lejn fatt jew konklużjoni waħda, u li biha l-ġudikant ikun moralment konvint lill hinn minn kull dubbju dedatt mir-raġuni mill-ħtija jew responsabbiltà kriminali tal-imputat jew akkużat.

Irriżulta mil-proċess ta’ lokalizazzjoni u minn engineering data li l-eks sieħeb kien fil-post x’ħin seħħ ir-reat

Intqal li mill-provi mressqin u mil-lokalizazzjoni u mill-engineering data, irriżulta li Omar kien fil-lok fejn seħħ ir-reat fl-istess ħin li l-vettura tal-parti offiża ingħatat in-nar. L-appellant jipprova jgħid li n-numru li fuqu nħadmet din d-data ma kienx in-numru tat-telefon ċellulari tiegħu, hekk kif jisħaq ukoll fl-istqarrija tiegħu.

Irriżulta madanakollu li dan in-numru kien ġie mgħoddi lill-investigaturi minn ommu stess fejn kien ġie lilhom indikat li dan in-numru kien jappartjeni lilu.
Il-Qorti qalet li dan il-każ ma kienx l-ewwel wieħed fejn Omar kien għamel ħsara lill-propjetà tal-parti offiża.

Din il-Qorti tkompli tkun moralment konvinta mill-ħtija ta’ Omar fid-dawl tat-theddid li sar. Il-messaġġi li għandhom ton inkriminatorju kienu indikati mill-Ewwel Qorti fis-sentenza tagħha, iżda huma rilevanti ferm is-segwenti messaġġi li meta abbinati mal-provi ċirkostanzjali l-oħra ma jħallu ebda dubju dwar ir-reati ta’ Omar.

Theddid kontinwu….’illejla bla dar se tispiċċa’

Fost il-messaġġi ta’ theddid kien hemm li t-tfajla irċeviet messaġġ li kien minn profil bl-isem ta’ “Haha Huhu” u dan kien jgħid hekk: “int ma tridx tisma’ hux, tħallini kwiet. Mort ftaħtli każ ieħor.

Mela l-aħħar darba ħarqulkom il-karozza u illum il-faċċata. Issa oqgħod għal kwiet ix-xogħol u llejla se tieħu qatgħa akbar milli ħadet ommok għax bla dar se tispiċċa forsi tkun ġo fiha ma tafx kif. Ħa ngħidlek kemm titkessaħ lilek u mill-aktar fis ħalli jekk tagħmel rapport nilħaq inkun striħajt allavolja ġa striħajt għax il-karozza ta’ ommok ħadet in-nar. Haha għidilha dan il-messaġġ”.

Messaġġ ieħor ta’ theddid kien jgħid li “ ħa nibagħtlek l-aħħar messaġġ u nieqaf hawn. Nagħmel dak li għandi nagħmel aktar tard. Nispera li mhux toħduwa bħala ‘bluff’ għax tal-karozza ma kontx qed nibblaffja u anka tal-lum jien kont waqaft. Nispera li wassaltulha il-messaġġ lil bintek”.

Messaġġ ieħor ta’ theddid li bagħat kien jgħid li: “illum nurikom kemm vera l-imġienen qegħdin barra u mhux Frankuni. Għadek ma tafx ma min se titnejku intom”.

It-theddid ma jiqafx u jkompli jibgħat aktar messaġġi fosthom wieħed li kien jgħid: “aħna ridniha tieqaf hawn u bintek għamlet ta’ rasha. La tlift il-pleġġ nitilfu għal xi ħaġa”.

Theddid minn profil ta’ mara….imma dan kien reġistrat fuq l-imejl ta’ Omar Djelassi

It-theddid beda jsir ukoll minn profil bl-isem “Jane Cassar”. Jirrizulta mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija, li saru mal-pjattaforma soċjali tal-Facebook, li dan il-profil huwa rreġistrat fuq l-imejl ta’ Omar Djelassi. Wieħed mill-messaġġi ta’ theddid minn dan il-profil kien jgħid li “daqt ħa niġi jien, mingħalik li ma ġara xejn. Isma’ minni u oħorġu minn hemm għax storja tinkiteb se nagħmel. Kif ma hemmx it-tifla se nurik lilek ta. U issa mhux se tirrapporta. U bilħaqq sabiħa il-karozza ta’ ommok il-ġdida. Jekk jifdal petrol naħsililha naqra ukoll mhux għall-faċċata biss. Naraw minn hawn u ftit ieħor. Issa tista’ tagħmel rapport għax dak li għandi nagħmel se nilħaq nagħmlu. Niekol u niġi bil-mod jien”.

It-theddid ikompli u jidħol messaġġ ieħor u dan kien jgħid li “illum taraw kemm jien raġel u billi se tagħmel ir-rapporti għal xejn, għax min jien ma tafux. Il-faċċata ma nistax għax se jkun hemm it-tifla imma il-karozza tiegħek nista’ ta serraħ moħħok, ħalli tħallu in-nies kwieti. Il-ħabs ma jwerwirx nies so jekk tmur tagħmel rapport ma tagħmilix differenza. Dan bħal tal-karozza għax barra għadni niġri. Ma irnexxielkomx din id-darba titfgħani ġewwa”.

Messaġġ ieħor ta’ theddid irċevewh fl-10 ta’ Jannar tas-sena 2021 u dan kien jgħid li : “din id-darba mhux se jirnexxielkom titfgħuni ġewwa”. L-għada jirċievu aktar theddid fosthom messaġġ li kien jgħid li “illum l-aħħar li se nibagħtilkom għax illum infottilek il-karozza kif fottejtlek l-oħra u llum l-aħħar ċans li għandi. Naħliflek fuq familti kollha li llum infottilek il-karozza kif fottejtlek il-Punto għax illum l-aħħar darba li se nevita milli imur niltaqa’ mal-Puluzija. Jiġifieri ipprepara għal karozza oħra”.

“Ġew il-Pulizija u telqu….barra għadni … U barra se nibqa”

U l-għada jidħol messaġġ ieħor u dan kien jgħid li: “hawn qiegħed id-dar. Għaliex bgħatt il-Pulizija. Ħaħa il-Pulizija ġew u telqu u jien barra għadni u barra se nibqa’. Dawk ċwieċ. Jien kont għadni kif wasalt. Illejla nurik lilek”. U l-messaġġi ta’ theddid jkomplu deħlin b’dak li segwa kien jgħid li: “ara kemm intom tad-daħk. Issa nibgħat lil dak li ħaraqlek l-oħra u jien nibqa’ hawn rilassat id-dar. Rieqed hawn se nibqa’. Din id- darba użajt moħħi. U int l-għassa mort tgħid dawk injoranti daqshekk u naqra aktar minnek”.

U t-theddid ikompli fejn messaġġ ieħor kien jgħid li: “illum ġurnata kollha warajk se nkun u l-ewwel ċans li insib daqqa ta’ karozza intik. Mhux se nagħmel l-iżball tal-bieraħ. Imma tibżax taf li mhux blaff għax meta għedtlek li naħraqlek il-karozza ħraqtilek u l-istess din id-darba. Kollox bil-mod”.

Jibgħat messaġġ ftit wara li kien jgħid li: “daqt niġi ta tibżax. Daqt tilqa’ lit-tifla. Illum naqgħtalek in-nejk lilek u lil bintek”. Ikompli jhedded u jgħid li “it-tifla telqet u jien nista’ naħdem aħjar. Daqt tkun ħdejkom it-tifla. Issa meta inkun komdu niġi”.

Messaġġ ieħor li bagħat kien jgħid li: “se nibagħtlek l-aħħar messaġġ u nitla’ lejn id-dar jekk qed taħseb li qiegħed nibblaffja kompli aħseb hekk. Imma kif ħraqnielek l-oħra naħarqu din u l-oħra mhux mil-lum għal għada kollox bilmod. Jien se nħassar dan il-facebook u daqshekk se nibagħtlek. Issa se nieħu l-azzjoni u il-gallarija għalaqha kieku minnek. Tista’ tmur l-għassa. Jien tiela’ lejn id-dar bil-mod. Imma illejla nerġa’ ninżel u jekk narak, jien naf li mhux b’tiegħek qiegħda ta’. Għedtlek li warajk ser inkun. Isma’ jekk se tgħidilhom jistgħu iħallu kwarta u jitilgħu u bilħaqq ma jistgħux għax bla provi hahah”.

It-theddid jasal ukoll minn profil bl-isem ta’ ‘Ġej Għalik’. Jgħidilha li “jaqbillek taħsibha qabel ma’ tagħmel xi rapport ieħor għax arma għandi u lilek neħles ukoll għax dejjaqtuni. Ara kemm huma tan-nejk, jitilgħu iduru dawra u jerġgħu jitilqu u li ma jafux li jien diġa ħriġt minn ġod-dar. Ilni ngħidlek li din id darba mhux se titfgħani l-ħabs”.

L-akkużi

Omar Djelassi, kien akkużat li fis-16 ta’ Diċembru tas-sena 2020 bejn is-2:30 u t-3:00 ta’ filgħodu ġewwa Triq il-Vittorja, l-Isla volontarjament ta nar lill-vettura Fiat Punto u li l-ħruq qabbad vettura tal-għamla Kia. Kien akkużat ukoll li ikkaġuna ħsara fuq ir-residenza fi Triq il-Vittorja, fl-Isla.

Hu instab ħati ta’ dawn ir-reati u sabitu ħati ukoll li kkommetta reati waqt perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża, mogħtija mill-Maġistrat Dr Donatella Frendo Dimech nhar it-18 ta’ Ġunju tas-sena 2020, liema sentenza hija definittiva u ma tistax tinbidel. Hu kien ikkundanat għal ħames snin ħabs effettivi.

Il-Qorti ordnat li s-sentenza li ngħatat fit-18 ta’ Ġunju mill-Qorti fejn ġie kkundannat sentejn priġunerija, tidħol fis-seħħ. Il-Qorti kienet ordnatlu jħallas €8,300, liema ħlas kellu jsir f’kull każ sa mhux iktar tard minn sitt xhur. Il-Qorti ordnat wkoll biex jingħata trattament biex jindirizza u jegħleb il-vizzju u d-dipendenza fuq id-droga kif ukoll sabiex jingħata trattament psikoloġiku għall- kundizzjoni ta’ attention defecit hyperactive disorder (ADHD).

Hu kien appella u l-Qorti tal-Appell qalet li ħadet inkonsiderazzjoni ir-rapport mħejji mill-Uffiċjal tal-Probation f’Diċembru tas-sena 2024 fejn intqal li llum-il ġurnata, Omar wera kambjament pożittiv u għandu l-motivazzjoni sabiex jimxi l-quddiem f’ħajtu.

Tgħid li issa qed jgħix ħajja stabbli, li għandu impjieg li mhux irreġistrat, li għandu ħajja familjari stabbli u li għadu qed jiġi ssorveljat minn diversi professjonisti.
Il-Qorti tal-Appell qalet li ma tistax tinjora in-natura gravi tar-reati kommessi minn Omar, kif lanqas tista’ tinjora il-fedina penali tiegħu fejn kien hemm ripetizzjoni ta’ diversi offiżi diretti lejn l-ex sieħba tiegħu u ommha.

Il-Qorti meta tiġi għal piena trid mhux biss tqis l-aspett reformattiv tal-ħati, iżda ukoll dak ta’ deterrent li jżomm lill-ġudikabbli milli jkompli jagħmel ħsara lill-vittmi tiegħu. Magħdud dan kollu, għalhekk din l-Qorti ma ssib l-ebda raġuni li jista’ jwassal tvarja l-piena mposta fuq Omar.

HI irrevokat biss dik il-parti fejn trattat il-ksur ta’ sentenza sospiża mogħtija fil-konfront tiegħu mill- Qorti tal-Maġistrati fit-18 ta’ Ġunju 2020 fejn ġabet fis-seħħ il-perjodu ta’ sentejn priġunerija, billi din is-sentenza kienet diġà nġiebet fis-seħħ b’sentenza ta’ din il- Qorti tas-17 ta’ Ġunju 2021

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport