Illum se tiġi ppubblikata l-inkjesta amministrattiva li kienet immexxija mill-Imħallef Emeritu Geoffrey Valenzia, b’rabta mal-każ ta’ serq ta’ droga minn kontejner li kien qed jinżamm fil-Barracks tal-AFM f’Ħal Safi.
Dan iddikjarah il-Prim Ministru Robert Abela meta kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti wara konferenza tal-aħbarijiet aktar kmieni dalgħodu. Abela qal li l-inkjesta amministrattiva saret sabiex jiġu stabbiliti l-fatti kollha u li din mhux se tkun qed tintralċa fuq l-investigazzjoni tal-Pulizija u lanqas fuq l-Inkjesta Maġisterjali.
Abela rrimarka li t-termini ta’ referenza tal-inkjesta kienu msejsa fuq erba’ prinċipji, fost oħrajn li jiġu stabbiliti l-fatti, il-proċessi, il-proċeduri, il-liġijiet u sistemi li wasslu biex esebit tal-Qorti ġie miżmum għand il-Forzi Armati ta’ Malta.