F’diskors li għamel fil-Parlament b’reazzjoni għad-diskors tal-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono fil-bidu tal-15-il leġislatura, il-Prim Ministru Dr Robert Abela ħabbar seba’ bidliet leġislattivi ewlenin li l-Gvern se jressaq quddiem il-Parlament fl-ewwel ftit xhur tiegħu.
Dr Abela qal li fl-ewwel mitt jum ta’ din il-leġislatura, se tingħata spinta sewwa lill-programm ta’ ħidma tal-Gvern, skont il-manifest ‘Int Malta’.
Semma li waħda mill-ewwel riformi li se jsiru se tkun dik li jiġi estiż il-qafas tal-IVF biex aktar koppji jkollhom iżjed opportunitajiet biex isiru ġenituri.
“Li l-avvanzi fix-xjenza u t-teknoloġija jippermettulna li nerġgħu nwessgħu għal darb’oħra l-proċeduri tal-IVF u jidħlu numru iżjed sostanzjali ta’ kundizzjonijiet ġenetiċi li jwasslu għal mard rari għat-tbatija u terminazzjoni tal-ħajja fit-trabi, allura issa nistgħu nwessgħu dawk il-proċeduri tal-IVF u qed nitkellmu dwar mard li m’hawnx kura għalih ukoll, dik se tkun waħda mill-ewwel riformi li se jkunu qegħdin inressqu ’l quddiem f’din il-leġiżlatura,” tenna l-Prim Ministru Robert Abela.
Riforma oħra li rrefera għalija l-Prim Ministru hija dik fl-appelli tal-Ippjanar li se tintroduċi l-prinċipju li ma jkun jista’ jsir ebda xogħol waqt li appell ikun għadu pendenti.
Il-Prim Ministru qal li diġà tkellem mal-Ministru Jonathan Attard li din għandha tkun prijorità assoluta fl-ewwel xhur ta’ dan il-Gvern.
“Imma li parallelment max-xogħlijiet li jkunu sospiżi, ikollok timeframe wieħed definit, li fih il-partijiet kollha, kemm l-objectors kif ukoll l-applikant, ikollu deċiżjoni f’dak iż-żmien li se jkun qed joħroġ mil-liġi,” stqarr il-Prim Ministru Robert Abela fil-Parlament.
Il-Prim Ministru Abela qal li bidla oħra li se ssir fl-ewwel xhur ta’ dan il-Gvern ħdid se tkun marbuta mal-protezzjoni tal-parks u l-ġonna pubbliċi li saru fl-aħħar snin. Qal li se jsiru l-emendi legali meħtieġa biex dawn l-ispazji jiġu mħarsa minn kull żvilupp fil-futur.
Fil-Parlament, Dr Abela ħabbar ukoll li se jidħlu fis-seħħ l-Att dwar l-Awtonomija Personali u l-Att dwar il-Protezzjoni ta’ Adulti Vulnerabbli. Flimkien ma’ dawn il-miżuri, il-Gvern qed iressaq emendi Kostituzzjonali biex persuna ma tiġix diskriminata minħabba d-diżabilità tagħha.
Irrefera għal aktar prijoritajiet li se jkunu jsiru fl-ewwel xhur ta’ din il-leġiżlatura fejn semma semma liġi ġdida biex jissaħħaħ il-qafas legali tal-għaqdiet volontarji. Qal li l-bidliet huma maħsubin biex inaqqsu l-burokrazija u joffru aktar appoġġ lill-organizzazzjonijiet volontarji skont il-ħtiġijiet tagħhom.
Dr Abela ħabbar ukoll li, wara konsultazzjoni estensiva, se titressaq il-liġi meħtieġa biex titwaqqaf l-ewwel Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bnedmin u l-Ugwaljanza.
Spjega kif il-programm tal-Gvern hu mibni fuq il-Viżjoni Malta 2050 u l-manifest elettorali ‘Int Malta’, li wkoll tfassal wara konsultazzjoni wiesgħa ma’ kulħadd biex, għall-ewwel darba, partit politiku mar quddiem il-poplu b’miri ċari u bi pjan li fih 25 mira speċifika, li jtejbu l-kwalità tal-ħajja b’25%.
Budget differenti minn dak ippreżentat minn pajjiżi oħrajn
Fir-reazzjoni tiegħu għad-diskors tal-Presidenti ta’ Malta, il-Prim Ministru qal li f’Ottubru li ġej dan il-Gvern se jkun qiegħed jippreżenta l-ewwel budget ta’ din il-leġislatura li se jkun kompletament differenti minn dawk li qed jesperjenzaw pajjiżi oħrajn madwarna.
“Budgets ta’ tbatija. Dak li se jkollna madwar l-Ewropa. U hawn Malta se jkun budget ta’ investiment fil-poplu u fin-negozji tagħna. Budget li se jibda l-kisba tal-prosperità ġdida ta’ ġensna. F’Ottubru, il-familji u n-negozji Għawdxin u Maltin se jagħrfu kompletament is-saħħa ta’ Malta aqwa. L-aktar magna ekonomika b’saħħitha fl-Ewropa,” temm jgħid il-Prim Ministru Robert Abela filwaqt li appella għall-għaqda u għall-ħidma biex il-pajjiż ikompli jibni fuq is-suċċessi li nkisbu fl-aħħar snin.

