Ilbieraħ filgħodu tressqu l-Qorti b’ċitazzjoni seba’ persuni u ġew mixlija b’akkużi relatati mal-inkjesta dwar 17 Black. Dawn huma l-eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri, l-eks Ministru Konrad Mizzi, Yorgen Fenech, Brian Tonna, Karl Cini, Paul Apap Bologna kif ukoll Mario Pullicino. Magħhom ġew mixlija wkoll erba’ kumpaniji oħra. L-imputati kollha wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom, li kienu jinkludu ħasil ta’ flus.
Fil-bidu tas-seduta, l-Avukati Difensuri talbu għar-rikuża tal-Maġistrat Rachel Montebello minħabba li skonthom il-fatti tal-każ kienu identiċi ma’ kawża oħra li l-istess Maġistrat qiegħda tisma’ li tinvolvi wkoll lil Fenech.
Minkejja dan, il-Maġistrat qalet li ma taqbel xejn mal-argumenti tad-Difiża u ddikjarat li mhix se tabdika mir-responsabbiltà tagħha fuq xi fatti li jistgħu jinstemgħu fil-futur. Għalhekk ċaħdet it-talba.
Id-Difiża mbagħad qalet li ma kellhiex fiduċja fl-esperti maħtura fl-inkjesta 17 Black għax il-kumpanija Harbinson Forensics Ltd. bħalissa tinsab fi proċess ta’ likwidità u l-esperta Miroslava Milenovic m’għandhiex il-kwalifiki neċessarju.
L-Avukati Difensuri saħqu li dawn l-esperti nħatru fl-inkjesta Vitals u qalu li fiż-żewġ inkjesti esprimew opinjonijiet totalment identiċi, “copy and paste” fuq dak li allegatament seħħ. Kien għalhekk li talbu għar-rikuża tal-esperti.
Fis-seduta tal-bieraħ xehed ukoll l-Ispettur Brian Camilleri li qal li l-investigazzjoni bdiet f’Marzu 2018 u oriġinat minn suspett ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus bejn diversi kumpaniji fil-Panama bi trust fi New Zealand. Fl-2018 saret talba għal ftuħ inkjesta, u mill-investigazzjonijiet irriżulta li Yorgen Fenech kien is-sid tal-kumpanja 17 Black. Intqal li Fenech kien shareholder flimkien ma’ Paul Apap Bologna u Mario Pullicino fil-kumpanija Electrogras.
Ix-xhud qal ukoll li rriżulta li Konrad Mizzi u Keith Schembri kienu klijenti ta’ 17 Black u li l-kumpaniji reġistrati fil-Panama nkisbu bl-għajnuna tal-accountans Karl Cini u Brian Tonna li kellhom il-kumpanija Nexia BT u fl-istess ħin servew bħala awdituri tal-kumpaniji New Energy u OEGP.
Il-prosekuzzjoni qiegħda titmexxa mill-Ispettur Brian Camilleri u s-Supretendent Jonathan Ransley flimkien mal-Avukati Gary Cauchi u Nicole Sladden mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
Għall-imputati u l-kumpaniji qed jidhru l-Avukati Giannella de Marco, Charles Mercieca, Gianluca Caruana Curran, Edward Gatt, Shaun Zammit, Kathleen Grima, Stephan Tonna Lowell.